Wednesday, September 3, 2025

Niċċelebraw il-Ġid għall-Maltin: Il-PL jħabbar festa għall-familja kollha f’Kennedy Grove fit-12 u t-13 ta’ Settembru 

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista se jorganizza jumejn t’attivitajiet għall-familja kollha f’Kennedy Grove, fil-Park tas-Salini, nhar il-Ġimgħa 12 u s-Sibt 13 ta’ Settembru. 

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista,  Leonid McKay qal li din il-festa ser issir bil-għan li l-Partit Laburista jiċċelebra mal-familji Maltin u Għawdxin il-ġid li qed jinħoloq mill-Gvern. Semma  bosta kisbiet li qed iwettaq Gvern Laburista foshom l-anqas rata ta’ qgħad, l-anqas rata ta’ dipendenza soċjali, u t-tkabbir ekonomiku li qed jikseb pajjiżna għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħra Ewropej li minħabba s-sitwazzjoni ekonomika mwegħra tagħhom qed ikunu kostretti li jnaqqsu l-benefiċċji soċjali. 

L-Uffiċjal Organizzattiv tal-Partit Laburista, William Lewis tkellem dwar l-attivitajiet ippjanati għat-12 u t-13 ta’ Settembru.  Sostna li l-Partit Laburista ħaseb biex joffri attivitajiet għall-familja kollha, bil-Ġimgħa 12 ta’ Settembru se jkun hemm divertiment għat-tfal, tombla u spettaklu mużikali minn DJs u kantanti lokali.  Fid-disgħa ta’ filgħaxija, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Alex Agius Saliba mistenni jħabbar inizjattiva għall-kumitati lokali tal-Partit Laburista. 

L-għada s-Sibt, l-attivitajiet ikomplu b’diskussjonijiet mal-Membri Parlamentari Laburisti fuq suġġetti varji, divertiment għat-tfal u anke attivitajiet sportivi, pet area, żona ta’ rilassament, ikel u xorb. Min ser jattendi jista’ wkoll jiltaqa’ mal-uffiċjali tal-Partit Laburista, jista’ jsir it-tiġdid tas-sħubija u x-xiri tal-merchandise tal-Partit Laburista.

Għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija jingħata bidu għall-spettaklu minn DJs lokali u l-kantanta Brooke Borg. Il-qofol tal-attività mistenni jintlaħaq fis-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija bid-diskorsi tat-tmexxija tal-Partit, jiġifieri tal-Prim Ministru Robert Abela u ż-żewġ deputati mexxejja Ian Borg u Alex Agius Saliba. Dan ikun segwit minn spettaklu minn ‘Drop Out Brass Band’ u kunċert bis-sehem ta’ diversi kantanti lokali. 

Min-naħa tagħha, Dr Lydia Abela, mart il-Prim Ministru, qalet li tħoss sodisfazzjon kbir li tara lill-Partit Laburista mimli bl-enerġija u pożittività. Żiedet tgħid li ta’ kuljum tiltaqa’ ma’ diversi persuni li qed japprezzaw il-ħidma li qed iwettaq Gvern Laburista u anke d-diversi kisbiet li qed jagħmel fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet, it-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u anke l-kisbiet ta’ bosta drittijiet ċivili. 

Temmet tgħid li l-Partit Laburista se jiċċelebra dawn il-kisbiet li wettaq Gvern Laburista u bħala poplu wieħed għandna nħarsu ‘l quddiem għal futur mimli b’aktar suċċessi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport