Monday, May 13, 2024

Niċċelebraw l-importanza u d-diversita’ tan-nisa fi ħdan il-BOV

- Organizzati Sensiela ta' Inizjattivi li Jispiraw l-Inklużjoni

Aqra wkoll

It-8 ta’ Marzu huwa sinonimu ma’ Jum il-Mara – ċelebrazzjoni tal-kisbiet soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi tan-nisa madwar id-dinja. Saru diversi inizjattivi mill-Bank of Valletta biex jiċċelebraw il-kisbiet tan-nisa filwaqt li juru appoġġ lejn nies vulnerabbli fil-komunitajiet tagħna.

Kif qal il-Kap Eżekuttiv tal-Bank, Kenneth Farrugia, f’messaġġ lill-impjegati, “Nagħraf l-irwol kruċjali li għandhom in-nisa fis-suċċess tal-Bank u nista’ nsemmi ħafna kollegi li kienu kruċjali fit-tiswir ta’ din l-organizzazzjoni matul is-snin.

B’60% tal-forza tax-xogħol tagħna magħmula minn nisa, nistieden lil kulħadd biex jingħaqad miegħi f’din iċ-ċelebrazzjoni u nħeġġeġ lill-impjegati femminili tagħna biex ikomplu jsaħħu l-preżenza tagħhom sakemm insiru tassew familja waħda magħquda.”

Impjegati minn madwar l-organizzazzjoni wrew l-appoġġ bla waqfien tagħhom għal din il-kawża billi qasmu messaġġi u selfies biex jenfasizzaw il-ħafna uċuħ femminili tal-BOV. B’appoġġ għal dan, ingħatat attenzjoni partikolari fuq seba’ impjegati nisa minn madwar l-organizzazzjoni, li qassmu l-esperjenzi tal-ħajja individwali tagħhom.

Ilkoll enfasizzaw id-diversità li teżisti fi ħdan il-Bank u qasmu l-irwoli, il-passjonijiet, l-aspirazzjonijiet tagħhom kif ukoll ir-responsabbiltajiet tagħhom barra mill-uffiċċju.

Dawn kienu Danielle Grima, Chief Risk Officer, Julie Grech, li tmexxi l-funzjoni ta’ Corporate Financing tal-Bank, Rita Lovegrove, li għandha rwol ta’ appoġġ, Charlene Magro mill-E-Banking, Marisa Said li tmexxi l-Consumer Lending u Microfinancing, Christine Scerri, Branch Manager tan-Naxxar, u Rim Zouari, mit-tim tal-People & Culture tal-Bank.

Il-Bank wera appoġġ ukoll lil diversi organizzazzjonijiet li ma jagħmlux qligħ li jappoġġjaw nisa vulnerabbli, b’uffiċjali tal-Bank żaru l-bini tagħhom u offrew appoġġ monetarju tant meħtieġ.

Waqt li tkellem dwar din l-inizjattiva, Charles Azzopardi, li jmexxi l-funzjoni tas-CSR tal-Bank, spjega, “Minbarra li nappoġġaw lill-poplu tagħna stess permezz ta’ benefiċċji li jiffokaw fuq il-benessri ħolistiku, din is-sena tajna daqqa t’id lill-NGOs li jagħmlu xogħol imprezzabbli, xi drabi ,hux daqstant magħruf mill-pubbliku, li jagħmlu differenzi kbar għall-ħajja tan-nies vulnerabbli. Erbgħa mill-kollegi nisa tagħna żaru personalment ix-xelters u ppreżentaw donazzjonijiet monetarji biex jgħinu lil dawn l-NGO’s sabiex ikomplu l-missjoni tagħhom.”

Tonia Parascandalo, Kap tas-Servizzi tal-Pensjonijiet u l-Assigurazzjoni għamlet żjara lill-Fondazzjoni St Jeanne Antide (SJAF), NGO iffukata fuq il-familja u l-komunità impenjata li toffri appoġġ ħolistiku lill-familji vulnerabbli.

Is-servizz SOAR offrut minn din l-NGO jiffoka fuq l-għoti tas-setgħa lin-nisa u t-tfal li ġarrbu t-tiġrib koroh tal-abbuż domestiku. Xelter ieħor li sab l-appoġġ tal-Bank kien il-Milja, xelter immexxi mill-Fondazzjoni Sebħ, li jipprovdi servizzi ħolistiċi lin-nisa u lil uliedhom minn tnax-il familja li jaħarbu minn diversi forom ta’ vjolenza. Ir-rappreżentanta tal-BOV, Jeanette Grech, flimkien mal-kumplament tas-CSR Team, iddiskutew il-ħidma vitali li twettaq din l-NGO.

Dr Tania Camilleri, mit-tim tal-People and Culture tal-Bank, għamlet żjara lill-Assoċjazzjoni Nisa Migranti, li tappoġġja nisa migranti, refuġjati, u persuni li jfittxu ażil li jaqgħu fil-kategorija ta’ dawk estremament vulnerabbli, iżda li fl-istess ħin għandhom potenzjal kbir u kapaċità li jegħlbu s-sitwazzjonijiet iebsa li jkunu għaddejjin minnhom.

L-aħħar xelter inkluż f’din l-inizjattiva kienet Dar Ġużeppa Debono f’Għawdex li tagħti daqqa t’id lil ommijiet waħedhom, tgħinhom jifhmu d-drittijiet tagħhom u jerġgħu jiddaħħlu fis-soċjetà. Il-BOV kien rappreżentat mill-Gozo Branch Manager, Charmaine Borg, li ddiskutiet l-irwol ta’ din l-NGO fi ħdan il-komunità Għawdxija.

Inizjattiva oħra importanti kienet podcast ta’ 30 minuta moderat minn Tonia Parascandalo tal-BOV. Ħadu sehem Stephanie Falzon minn BPW (Business Professional Women), Graziella Castillo mill-Aġenzija Appoġġ, u Charmaine Bugeja rispettivament.

Id-diskussjoni ffukat fuq l-ostakli li jiffaċċjaw il-vittmi tal-vjolenza domestika, u kif in-nuqqas ta’ indipendenza finanzjarja tagħhom iġib is-sitwazzjoni tagħhom aktar akuta. Dan il-podcast bħalissa qed jixxandar fuq il-kanali tal-midja soċjali tal-Bank https://fb.watch/qGDqqw55bi/.

“Din l-esperjenza kienet tassew verifika tar-realtà,” sostniet Parascandalo. “Li tisma’ lil nies li esperjenzaw vjolenza domestika jew li jaħdmu daqshekk mill-qrib mal-vittmi tagħha jispjegaw x’inhuwa importanti għall-benesseri finanzjarju, huwa tassew essenzjali.

Jiena konvinta li jekk inkunu ma’ xulxin, nistgħu tassew ngħinu biex nagħmlu differenza, kemm fl-appoġġ ta’ dawk vulnerabbli, kif ukoll biex niċċelebraw id-diversità u ngħixu l-inklużjoni kullimkien.”

Sport