Il-Ministru tas-Saħħa ta’ Trinidad u Tobago kkritika lir-rapper Nicki Minaj għall-tweet li hija kitbet fejn fiha qalet li ħabib tal-kuġin tagħha, li jgħix f’dan il-pajjiż, spiċċa ma jistax ikollu tfal minħabba li ħa tilqima kontra l-Covid-19.
Il-Ministru Terrence Dyalsingh qal li dak li kitbet Minaj huwa “falz” u li ħela l-ħin tad-dipartiment tas-saħħa. Fit-tweet Minaj kitbet li dan l-individwu sofra minn “nefħa fit-testikoli” wara li ħa t-tilqima u issa ma jistax ikollu tfal. Hi kompliet tgħid li dan kien se jiżżewweġ fil-jiem li ġejjin u minħabba dak li ġara s-sieħba tiegħu ħassret il-pjanijiet.
Dan il-kumment wassal għal reazzjoni negattiva mill-esperti tas-saħħa madwar id-dinja li jinsabu mħassbin ferm dwar l-informazzjoni qarrieqa li qiegħda tinxtered dwar it-tilqim. Minaj għamlet dan il-kumment nhar it-Tnejn li għadda fuq il-profil tagħha li huwa segwit minn 22 miljun persuna.
Deyalsingh meta tkellem mal-midja qal li d-dipartiment ta’ Trinidad u Tobago ma kellu l-ebda rapport ta’ każ – “bħall-bqija tal-pajjiżi fid-dinja” – fejn minħabba t-tilqima kien hemm xi persuni li rrapportaw nefħa fit-testikoli.
Huwa qal li t-tim tiegħu qattgħu ġurnata jinvestigaw din l-allegazzjoni biex jaraw jekk hix veritiera jew le. Huwa tenna li sfortunatament din wasslet għal ħafna ħela ta’ ħin hekk kif irriżulta li din mhix vera. Kien hemm uffiċjali oħrajn barranin, fosthom l-ogħla uffiċjal mediku tar-Renju Unit Chris Whitty fejn iddeskriva dak li għamlet Minaj bħala “tal-mistħija”.