Wednesday, May 21, 2025

Nicola Said … team manager ta’ Starlites Naxxar JSD

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

Niftakarni ninżel ma’ oħti il-Luxol Grounds għax kienet tilgħab ma’ Luxol, ma kellix għażla oħra. Kont għadni żgħira ħafna ta’ xi ħames snin u kont niddeffes kullimkien!

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ta’ suċċess bħala plejer.

Niftakar li l-ewwel tournament uffiċjali li kelli, Charlotte Riolo kienet kowċ tiegħi mal-Furjana U8s imbghad l-iskola St Joseph fejn kont nattendi dejjem basketball konna nilagħbu. Konna nikkompetu fit-tournaments ukoll. Niftakar li Charlotte kienet għażlitni biex immur nipprova man-nazzjonal tal-U10s u tlajt Torino darbtejn u anke l-Belġju.  Wara, kont ingħaqadt mal- Footwork u l-aħħar snin bħala plejer għamilthom ma’ Charlotte u Ivan Riolo ma’ Starlites.  Ivan ukoll kien kowċ tiegħi żgħira (Skola Sajf). Kbirt magħhom tista’ tgħid! 

U dik preżenti bħala team manager ta’ Starlites Naxxar JSD.

Meta waqaft nilgħab minħabba injury tal-‘cruciate’ u impenji ta’ xogħol, Ivan Riolo kien ċempilli u qalli li xtaq li nibda ninżel mat-tim tal-U23s u tal-kbar bħala team manager. Kienet iebsa ngħid le avolja kelli nlaħħaq max-xogħol, familja u impenji oħra. Lejn Ivan u Charlotte Riolo ir-rispett jibqa’ għal dejjem u għalhekk aċċettajt minn qalbi. Għidt li la ma nistax nilgħab, nagħti naqra mill-ħin tiegħi lura liż-żgħar u importanti li ma jkun jonqoshom xejn. Mhux biss lejn il-klabb tagħna, inħossha ġo qalbi meta nara xi plejer tweġġa’. Nara kif ngħin u nassisti għax f’għajnejja niftakar meta weġġajt jiena x’kont ħassejt u nipprova li l-ebda plejer ma tħoss dak li ħassejt jiena (ejja ngħidu ninkwieta għal kulħadd!)

Kemm hu differenti r-rwol ta’ team manager minn dak ta’ plejer?

Jiena nħoss li xogħoli ta’ team manager huwa iktar ta’ oħthom il-kbira, ta’ ‘punching bag’ taghhom, ma min jistgħu jiftħu qalbhom u żgur li dejjem naqbeż għalihom.  Ir-rwol huwa wieħed differenti imma l-keded li nieħu qisni għadni nilgħab jiena.  Nitilfu nibki, nirbħu nibki wkoll! Dawn qishom it-tfal tiegħi … il-ferħ u s-sodisfazzjon li jagħtuni speċjalment narahom magħqudin huwa indeskrivibbli … sa anke tattoo għamilt is-sena l-oħra! Għidtilhom lill-U23s li jekk tirbħu l-kampjonat nagħmel tattoo għax din il-memorja ma tintesa qatt!

Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ, Peter Shoults?

Naħseb iktar tista’ tgħid li l-kowċ Peter Shoults, apparti li ilna ħbieb mit-tfulija, kien iħossu komdu isaqsini ċerti opinjonijiet fuq kif naħsibha għax miegħi jaf li ngħidha kif inhi.  Jaf li t- tfajliet nafhom iktar u naf li sema’ ħafna minn dak li kont ngħidlu (mhux dejjem!).  Peró, dwar il-logħba nagħti opinjoni imma dejjem hu l-moħħ tat-tim. Naħseb li mill-bidu tal-istaġun għall-aħħar logħba Peter wera tassew il-qalb li għandu lejn il-logħba u t-timijiet tiegħu kienu bħala kowċ u anke laqa’ lit-tfajliet daqslikieku kienu familja. 

X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?

Ifhem, inħares lejn il-livell tal-lum meta kkumparat ma’ dak ta’ żmieni, allaħares kelli nerġa’ nibda nilgħab għax żgur ta’ paperissima nħossni! Nieħu gost nara t-talent ta’ dawn it-tfal u kemm sar titjib fit-taħriġ tal-basketball. Bravi tassew!

U dak tar-riżorsi fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?

Inħares u nqabbel għal dak li kelli jiena u dak li għandhom huma, inħoss li hemm bidla drastika pożittiva rigward dan, avolja nemmen li jrid ikun hawn iktar ‘push’ lejn il-basketball għax li nkunu 4/5 timijiet fil-livell tan-nisa huwa naqra ta’ diżappunt!

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?

Li jibqa’ jkolli “attakki tal-qalb” meta jilagħbu Starlites! U nibqa’ involuta fl-aħjar interess tal- klabb u l-isport.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, nixtieq nagħlaq b’dan il-messaġġ. Lill-partitarji kollha (ommijiet, missirijiet, kowċis eċċ), ftakru li din hi logħba li tant inħobbu u niddedikaw ħin għat-taħriġ għaliha. Ejja niftakru li m’għandniex nitgħajru u nidħlu personali għax kulħadd għandu familja, kulħadd iweġġa’, kulħadd ikollu dawk il-mumenti ta’ rabja u ħarqa li tilfu jew lagħbu ħazin. Ejjew inkunu pożittivi għax illum aħna u għada intom!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport