Il-Malti jgħid: Lil min tafu tistaqsix għalih u naħseb li taqblu miegħi li dan il-qawl ħareġ fil-beraħ din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew fejn għal darb’oħra kellna dibattitu ieħor kontra Malta, kontra pajjiżna. Jgħidu x’jgħidu hekk kien, dibattitu kontra pajjiżna li minnu ma ħareġ l-ebda ġid għal Malta u Għawdex tagħna.
U forsi jkun hemm min jistaqsi “imma għaliex reġgħu għamlu hekk?” It-tweġiba hija waħda ċara u sempliċi: Għaliex il-Partit Nazzjonalista kien, għadu u se jibqa’ jġib il-kilba għall-poter qabel pajjiżu. U huwa proprju għalhekk li dejjem jaraw kif se jattakkaw lil pajjiżna anki lil hinn minn xtutna. Hawnhekk però qed jagħmlu żball kbir għaliex bħalma tafu intom bl-intenzjonijiet tagħhom, jafu wkoll il-maġġoranza tal-Ewroparlamentari l-oħra li għażlu li ma jattendux għal din is-Seduta Parlamentari. Din il-ġimgħa tista’ tgħid fil-fatt li Ċirklu Politiku kellna u mhux dibattitu oġġettiv. Kulħadd jaf li Malta mhux sejra lura. F’Malta m’hemmx rigress. Malta mxiet ’il quddiem minn dak iż-żmien meta studenti kienu jispiċċaw arrestati għal dak li jiktbu fir-rivista tal-Università. Imxejna ’l quddiem minn żmien fejn kienu jiġu arrestati ż-żgħażagħ għax jilbsu xi kostum fil-Karnival t’Għawdex.
Se jkun hemm bla dubju min jgħid li għad fadal ħafna xi jsir u jien naqbel perfettament miegħu. Hemm lok għall-progress kif hemm f’kull pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea. Hemm differenza però bejn min jirrikonoxxi li hemm lok għall-progress u min l-għan tiegħu huwa biss li jkasbar u jagħmel ħsara lil pajjiżu. Bħala Ewroparlamentari Maltin u Għawdxin huwa d-dmir tagħna li niddefendu l-interess Nazzjonali dejjem u kullimkien u mhux biss meta jkun konvenjenti għalina.
Tul dan id-dibattitu kien hemm ukoll min qalilna li aħna bħala pajjiż għandna bżonn il-protezzjoni tal-Parlament Ewropew, bħallikieku Malta u Għawdex huma xi kolonja tiegħu. Il-Maltin u l-Għawdxin mhux protezzjoni qed jistennew imma rappreżentanti denji li jħobbu lil pajjiżhom u li jiddefenduhom f’ċirkostanzi bħalma kellna din il-ġimgħa. Jien u sħabi hekk kommessi li nibqgħu nagħmlu: Niddefendu l-interess Nazzjonali għax aħna mal-interess nazzjonali ma nilagħbux.

