Tuesday, December 9, 2025

Nieħdu ħsieb il-familji tal-futur

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg ħabbru li s-servizz nazzjonali tas-saħħa ser jibda jipprovdi l-faċilità sabiex persuni jkunu jistgħu jiffriżaw il-bajda u l-isperma biex jintużaw aktar ’il quddiem fil-proċess tal-IVF.

Ġie spjegat kif s’issa, din il-faċilità  kienet tingħata biss lil persuni għal raġunijiet mediċi. Il-kriterji ġodda li qed jidħlu fis-seħħ immedjatament issa se jinkludu wkoll nisa li għandhom bejn 18-il sena u l-34 sena u li potenzjalment jixtiequ jsiru ġenituri. Dawn issa jkunu jistgħu jagħmlu egg freezing u sperm freezing b’xejn permezz tas-servizz pubbliku (NHS) għall-użu personali fil-futur, bil-għan li jippreservaw il-fertilità tagħhom.

Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif meta tavvanza l-età r-rata ta’ fertilità fin-nisa tonqos kontinwament. Qal kif din l-istess rata tista’ tiġi affettwata ħażin b’infezzjonijiet ta’ natura ġinekoloġika.

Għalhekk, Dr Abela appella biex is-saħħa sesswali tiġi mogħtija importanza speċjali mill-individwi. Din il-miżura, hija maħsuba għal dawk il-persuni li minħabba raġunijiet diversi, li jinkludu ċirkostanzi fil-karriera, ikunu jixtiequ li jkollhom it-tfal tagħhom aktar tard matul ħajjithom. Huwa qal li dan ser isir fil-qafas tal-liġi robusta u bir-regolamenti u l-kontrolli tal-Awtorità għal Protezzjoni tal-Embrijun.

“Social freezing tal-bajd u l-isperma jagħtu ċans akbar lil persuni li jixtiequ jsiru ġenituri aktar tard fil-ħajja riproduttiva tagħhom. Għalhekk, din hija miżura favur il-ħajja li tindirizza r-rata ta’ fertilità baxxa f’pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet li din il-proċedura mhux ser jkunu ffriżati embrijun iżda ser jiġu ffriżati biss il-bajd u l-isperma separatament.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li hemm numru ta’ persuni li minħabba raġunijiet validi, kellhom bżonn jagħmlu din il-proċedura iżda ma setgħux għax is-servizz nazzjonali tas-saħħa ma kienx jipprovdi għalija.

Hija sejħet dan l-iżvilupp bħala dritt ġdid li bih il-faċilitajiet moderni li tipprovdi x-xjenza ser ikun disponibbli għal kulħadd u mhux biss għal dawk li jifilħu jħallsu għalih.

Buttigieg qalet li din il-proċedura ser isaħħaħ il-flessibiltà fl-ippjanar tal-familja u eventwalment itejjeb ir-rata ta’ fertilità. Żiedet tgħid li dan huwa eżempju ieħor ta’ gvern li jgħin lil familji jilħqu l-aspirazzjoni tagħhom b’rispett sħiħ lejn l-għażliet personali tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport