Hu fatt li llum kulħadd hu mħabbat. L-impenji ta’ xogħol, familja u affarijiet oħra ma jagħmluhiex faċli li dak li jkun jinvolvi ruħu fil-volontarjat. Daħlet ħafna l-mentalità li ‘ma nagħmel xejn għal xejn’. Qisu hemm il-mentalità li għax tkun involut fil-volontarjat qed taħli l-ħin. Veru li ħlas ma jkun hemm, imma min hu involut jirrimarkalek fuq is-sodisfazzjon. Fuq kollox, l-impenn fil-volontarjat jaqtegħek mill-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum.
Illum minkejja kull pressjoni li teżisti, il-volontarjat f’pajjiżna għadu b’saħħtu. Veru ukoll imma li hemm min qiegħed iħoss in-nuqqas ta’ nies jew jixtieq aktar għajnujna.
Mhemm ebda dubju li fl-aħħar snin rajna qabża ‘lquddiem f’dak li hu s-settur kulturali. Qegħdin naraw rappreżentazzjonijiet u avvenimenti ma jaqtgħu xejn. Qegħdin naraw ukoll il-kwalità titjieb. Dan jidher tista’ tgħid f’kull qasam. Jekk nieħdu l-festi u l-każini tal-baned tagħna, llum minkejja l-isfidi li jeżistu qegħdin naraw itejbu l-livell tagħhom.
B’mod regolari qegħdin naraw għaqdiet mużikali u għaqdiet kulturali oħra jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja. Għajnuna li hi importanti ħafna biex dawn l-għaqdiet jibqgħu għaddejjin u jsaħħu x-xogħol kulturali li jsir.
Illum il-ġurnata nistgħu ngħidu li dan is-settur għamel qabża kbira fil-kwalità. Qed naraw aktar avvenimenti kulturali li qed jitellgħu b’mod professjonali għall-aħħar li jħabbtuha sew ma’ avvenimenti li jittellgħu f’pajjiżi oħra. Imma mhux l-organizazzjoni biss. Illum saret komuni, fejn qabel kienet okkażjoni rari, li naraw ismijiet internazzjonali rinomati – f’kull qasam kulturali – jpaxxu l-udjenza Maltija, tant li dawn l-avvenimenti saru parti integrali mill-kalendarju kulturali Malti u mistennija ferm mill-Maltin. Ix-xogħol qed ikompli għaddej biex dak miksub ikompli jissaħħaħ. Iva, l-kwalità fil-qasam kulturali għamlet passi ta’ ġgant ‘l quddiem bil-ħidma li qed issir minn dan il-Ministeru.
Il-kwalità u l-professjoni iġġib l-udjenzi. U hekk qed jiġri wkoll f’dan il-qasam. Ix-xhur tas-sajf li għadda kienu mimlijin attivitajiet li gibdu l-folol. Illum m’għadniex bis-sitwazzjoni fejn l-udjenza tirrikorri hi biss għall-avvenimenti li jsiru – imma qegħdin naraw li l-kultura qed issir aktar aċċessibbli għall-udjenzi. Il-kultura qed tittieħed f’nofs l-udjenzi.
L-aċċessebilità m’hix hekk biss. Hija wkoll l-innovazzjoni biex trawwem aktar interess fil-kultura u l-patrimonju Malti. F’din it-triq ittieħdu għadd ta’ inizjattivi.
Xi ħaġa li rajna żvilupp fiha f’dan is-settur hija dik mibnija fuq il-karrieri u l-professjonaliżmu f’dan il-qasam. Il-Ministeru qed ikompli għaddej ukoll biex jagħti opportunitajiet lill-artist Malti ħalli jkompli jkabbar il-professjonalità fit-talent tiegħu. Imma wkoll dan il-qasam qed jixpruna aktar karrieri. Aktar opportunitajiet għal dawk li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku, l-artistrija u l-kultura komuni. U bir-raġun meta tara l-mod serju ta’ kif qed jitmexxa dan is-settur.
Fil-fatt tajjeb li nosservaw ukoll li dan is-settur qed ikompli jitla’ ‘l fuq f’dak li huwa kontribut għall-ekonomija Maltija. L-investiment kontinwu li qed isir f’dan il-qasam, anki fl-artisti stess qed iwassal biex tkompli tiżded il-professjonalità fis-settur kulturali li jwassal ukoll biex is-settur kulturali jkompli jikkontribwixxi dejjem aktar għall-ekonomija tal-pajjiż. Iva l-qasam kulturali qed jgħin sew fit-tkabbir ekonomiku.
Imma lil hinn minn dan ma nistgħux ma nikkummentawx fuq il-fatt li dan hu settur li kategoriji sħaħ fih huma magħmula minn nies volontarji. Inħarsu lejn għaqdiet mużikali, tal-festi, fondazzjonijiet li jtellgħu festivals u programmi kulturali.
Nemmnu li dawn in-nies volontarji qegħdin jittieħdu wisq qisu xejn mhu xejn. Qegħdin naraw li nqisu li għax qegħdin hemm se jibqgħu hemm. Illum il-volontieri, għandhom pressjonijiet kbar. Il-pass ‘lquddiem fil-kwalità ħoloq ukoll pressjonijiet ġodda fuq l-istess volontieri. Veru li jeżistu opportunitajiet għal fondi, imma veru ukoll li dawn biex tasal għalihom, tapplika u tfassal il-proġetti, jittieħed ammont ta’ ħin u dan dejjem jittieħed minn dak tal-voluntieri. Illum dawn involuti f’każin tal-banda, festa jew min ikun se jtella’ xi rappreżentazzjoni kulturali bil-voluntieri, jgħidulek li l-ħidma volontarja tant saret intensa li qisha saret xogħol fulltajm bl-ammont ta’ ħin li tinvolvi.
Wieħed mill-akbar għadu ta’ l-istess volontarjat hi l-burokrazija. Xi wħud iħossu ukoll li hemm setturi u istituzzjonijiet f’pajjiżna li mhux dejjem jagħtu l-apprezzament mixtieq lil volontarjat. Ma nistgħux ma nistaqsux x’qed isir biex it-tfal li telgħin, jibdew jersqu lejn il-volontarjat? X’qed isir biex inressquhom lejn każini, lejn il-mużika, lejn oqsma oħra kulturali. Kemm hu tajjeb li nibdew naraw li dawn it-tfal li telgħin nibdew inħeġġuhom jersqu u jikkontribwixxu għal kultura. Fuq kollox ejja ngħiduha kif inhi, il-volontarjat itik sodisfazzjon kbir.
M’hemmx dubju li meta tqabbel is-sitwazzjoni tal-lum ma’ dik ta’ ftit snin ilu, tara qabża f’dan is-settur. U dan qed jinħass sew u tista’ tarah b’għajnejk. Huwa għalhekk li l-gvern, permezz tal-Ministeru għall-Kultura, qed ikompli jsaħħaħ b’kull mod possibbli l-investiment, il-professjonalità u wkoll l-aċċessibiltà f’dan is-settur. Investiment li qiegħed jagħti lura l-frott, mhux biss fil-kwalità, imma wkoll riżultat ta’ dan, qed naraw is-settur parteċipi sew fl-andament ekonomiku tagħna.