Ma nafx jekk hux żbaljat, imma ċert li ftit tal-jiem ilu rajt appell f’dan is-sens – Nieħdu ħsieb is-saħħa mentali – fuq in-naħa sħiħa ta’ wara ta’ karozza tal-linja. Għadni s’issa ma nistax nifhem għala l-mard mentali jġorr daqstant stigma. Bħal donnu mhux mard bħal kull mard ieħor. Bħal donnu jkun diżunur jekk jaħkmek dan it-tip ta’ mard jew jekk ikollok lil xi ħadd fil-familja li jinħakem minnu. Imma sfortunatament hekk jidher li hi s-sitwazzjoni.
Nifhem li hemm mitt elf raġuni li għalihom persuna tista’ tispiċċa milquta minn dan it-tip ta’ mard. Ma nafx kemm huma l-possibiltajiet li int stess tikkontribwixxi għalih, bħal meta ngħidu li għandu mard fil-pulmun kawżat mit-tipjip. Jew mard fil-fwied kawżat minn xorb eċċessiv ta’ alkoħol, jew inbid. Daqstant ieħor nifhem li l-mard tal-moħħ, bħal kull mard ieħor, għandu l-gradi tiegħu, bħal meta ngħidu ‘kanċer aggressiv ħafna’ jew ‘kanċer kurabbli’. Nifhem li d-dipressjoni hija waħda mill-gradi tal-mard mentali. Jista’ jkun li ninsab żbaljat.
Dan iġibni għall-punt li nixtieq nagħmel illum marbut mas-sitwazzjoni li l-attitudni ta’ xi ħadd tista’ twassal lil ħaddieħor fi stat ta’ dipressjoni. Ma naħsibx li qed ngħid xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Tisma’ stejjer li jġibulek għajnejk wara widnejk. Stejjer dwar kif xi ħadd litteralment ikisser lil xi ħadd għax isibu dgħajjef u għax hu jkun f’pożizzjoni vantaġġjuża. Għax il-persuna l-oħra, għal xi raġuni, tkun persuna vulnerabbli.
Naħseb li ma nkun qed ngħidlek xejn ġdid jekk ngħidlek li kien hemm ħaddiema li kellhom jitilqu mill-impjieg li kellhom mhux għax ix-xogħol kien idejjaqhom imma għax ma felħux jissaportu aktar il-kattiverji fil-konfront tagħhom minn xi ħadd mis-superjuri tagħhom. Kattiverji f’diversi forom, bħal meta jirredikolawk quddiem sħabek. Bħal meta jagħmlu minn kollox biex iċaħħduk minn promozzjoni. Bħal meta jinjorawk, iwarrbuk. Ma jagħtukx xogħol x’tagħmel. Jew jeħdulek ix-xogħol li kont tagħmel bi professjonalità biex jagħtuh lil xi ħadd tal-preferenza tagħhom. B’ħafna mistoqsijiet dwar x’wassal għal tali preferenza li biha tinħoloq inġustizzja.
Nistħajjel li bħalissa int u taqra dan kollu bdew għaddejjin minn quddiem għajnejk persuni li batew, jew qegħdin ibatu, minn esperjenzi bħal dawn. Nisa u rġiel. Nistħajjel ukoll li taf bi ‘bravi’, anke hawn, nisa u rġiel, li kkawżaw u qegħdin jikkawżaw episodji bħal dawn. Affarijiet li ġraw, jiġru u jkomplu jiġru kemm fuq postijiet tax-xogħol mal-Gvern kif ukoll fil-privat.
Il-kefrija ta’ dawn l-affarijiet hija l-mod kif min jagħmilhom jippruvaw jiġġustifikaw għemilhom. Jippruvaw jingannaw. Iqarqu. Meta r-raġuni vera tkun jew opinjoni politika, raġuni li m’għandha tkun QATT, għax wara kollox ħadd m’hu għar-rimi, jew tpattija għal xi ħaġa li ġeneralment u ironikament dak li trid tpatti għalih ikun illegali. Nagħmel parentesi żgħira hawnhekk biex insemmi żewġ persuni ħbieb tiegħi li llum it-tnejn m’għadhomx magħna, li batew inġustizzji bħal dawn minħabba l-opinjoni politika tagħhom, opinjoni Laburista, l-Għawdxi Anton F. Attard u ż-Żejtuni Joe Attard.
Ikunu jriduk tagħmel xi ħaġa li taf li m’għandekx tagħmilha għax fil-verità jekk tagħmilha tkun qed tonqos minn dmirek. Apparti l-fatt li jekk il-każ jinkixef iħalluk tiżfen waħdek u QATT ma tkun tista’ tirbaħ għax fil-verità tkun inqast minn dmirek. Tkun irmejt professjonalità li suppost turi. Professjonalità li tkun titlob minnek li tieqaf lil min ikun iridek tonqos minn dmirek, tħares f’għajnejh u tgħidlu ‘le, dak li tridni nagħmel mhux ġust li jsir. Ma jistax isir għax il-liġi ma tippermettihx’.
Is-sitwazzjoni tiggrava jekk min-naħa l-oħra tkun INT, li għandek ftit poter, li għandek kariga ogħla minn ta’ min waqaflek fil-konfront ta’ illegalità, li taħmi l-vendikazzjoni, in-nuqqas ta’ ġustizzja fil-konfront tiegħu. Għal raġunijiet li tkun tafhom int imma li fil-fond ta’ qalbek TAF li m’għandekx raġun u li r-raġun qiegħed fuq in-naħa ta’ min waqaflek. Imma INT għax għandek ftit saħħa, tkun trid twarrab minn ma’ saqajk lil min ikollu raġun.
U hawn niġi lura għat-titlu ta’ dan il-kummentarju: Nieħdu ħsieb is-saħħa mentali. Mhux kulħadd ikun kapaċi jieqaf lil min ikun qiegħed jintimidah. Min ikun f’sitwazzjoni bħal din ikollu jew jitlaq jew jikkriepa. Isofri l-iskuntentizza maħluqa fil-konfront tiegħu, sitwazzjoni li tista’ twassal biex mhux talli ma nieħdux ħsieb is-saħħa mentali talli nikkawżawlha danni.
Għall-erwieħ!!!!
Ma nafx jekk hux kumbinazzjoni jew jekk hux ‘rigal’ għal dawn il-ġranet festivi min-naħa tas-sidien tal-kumpless The Duke Shopping Mall fir-Rabat, Għawdex, li parti mit-taraġ mekkanizzat li għandhom fil-kumpless REĠA’ beda jaħdem. Kien ilu xhur daqqa tieqaf naħa u daqqa tieqaf oħra. Minn din il-paġna naħseb li kkummentajt sitt darbiet fuq perjodu mifrux fuq ġimgħat u xhur.
Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra smajt diversi nies, mhux ftit, jesprimu “għall-erwieħ” it-taraġ qed jaħdem illum. Jgħidu x’jgħidu s-sidien tal-kumpless imisshom jagħtu spjegazzjoni għal tali sitwazzjoni, imisshom umilment jiskużaw ruħhom mal-klijenti tagħhom għall-inkonvenjent kawżat.
Ma jimpurtax, l-aqwa li t-taraġ qed jaħdem u jibqa’ jaħdem.