Friday, November 14, 2025

Nies qrib Zelensky involuti fi skandlu kbir ta’ korruzzjoni

Aqra wkoll

Il-Ministri tal-Enerġija u tal-Ġustizzja tal-Ukrajna ġew imġiegħla jirriżenjaw wara investigazzjoni kbira li saret dwar korruzzjoni fis-settur tal-enerġija tal-pajjiż. Iż-żewġ ministri, Svitlana Grynchuk tal-enerġija u Herman Halushchenko tal-ġustizzja tneħħew mill-kariga mill-President Volodymyr Zelensky nhar l-Erbgħa. 

Korpi kontra l-korruzzjoni nhar it-Tnejn akkużaw diversi persuni li orkestraw skema ta’ miżapproprjazzjoni ta’ flus fis-settur tal-enerġija li tiswa madwar 76 miljun lira sterlina, inkluż fl-operatur nukleari nazzjonali Enerhoatom. Uħud minn dawk implikati fl-iskandlu huma – jew kienu – assoċjati mill-qrib tal-president Zelensky.

L-allegazzjoni hi li l-Ministru tal-Ġustizzja Herman Halushchenko u ministri u uffiċjali ewlenin oħra rċevew pagamenti mingħand kuntratturi li bnew fortifikazzjonijiet kontra l-attakki Russi fuq l-infrastruttura tal-enerġija.

Fost dawk allegatament involuti hemm l-eks Viċi Prim Ministru Oleksiy Chernyshov u Timur Mindich, negozjant u ko-proprjetarju tal-eks studio tat-TV ta’ Zelensky, Kvartal95. Minn dakinhar Mindich allegatament ħarab mill-pajjiż.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna (Nabu) u l-Uffiċċju Speċjalizzat tal-Prosekutur Kontra l-Korruzzjoni (Sap) l-investigazzjoni li damet għaddejja 15-il xahar u involviet 1,000 siegħa ta’ reġistrazzjonijiet awdjo kixfet il-parteċipazzjoni ta’ diversi membri tal-gvern Ukren.

Skont Nabu, in-nies involuti ħadu sistematikament tixħim mingħand il-kuntratturi tal-Enerhoatom li jiswew bejn 10% u 15% tal-valuri tal-kuntratti.

Il-korpi kontra l-korruzzjoni sabu wkoll li s-somom enormi ta flus kienu ġew maħsula fl-iskema u ppubblikaw ritratti ta’ basktijiet mimlija flus kontanti. Il-fondi mbagħad ġew trasferiti barra l-Ukrajna, inkluż lejn ir-Russja. 

L-iskandlu qed jiżvolġi fl-isfond tal-attakki Russi dejjem akbar fuq faċilitajiet tal-enerġija Ukreni, inklużi substations li jipprovdu l-elettriku lill-impjanti tal-enerġija nukleari. Dan se jenfasizza wkoll il-korruzzjoni fl-Ukrajna, li għadha endemika minkejja x-xogħol ta’ Nabu u Sap fl-10 snin minn meta nħolqu.

F’Lulju, faqqgħu protesti madwar il-pajjiż dwar bidliet li jrażżnu l-indipendenza ta’ Nabu u Sap. L-Ukreni beżgħu li n-nazzjon jista’ jitlef l-istatus mixtieq ta’ pajjiż kandidat għall-Unjoni Ewropea li ngħata bil-kundizzjoni li titmexxa ġlieda kredibbli kontra l-korruzzjoni.

Ir-reazzjoni negattiva kienet l-aktar waħda severa li laqtet lill-gvern Ukren mill-bidu tal-invażjoni sħiħa tar-Russja fl-2022 u ġiet imrażżna biss bid-deċiżjoni ta’ Zelensky li jerġa’ jdaħħal il-libertà u l-indipendenza taż-żewġ korpi kontra l-korruzzjoni.

Madankollu għal xi wħud dik il-kriżi ġabet dubji dwar id-dedikazzjoni ta’ Zelensky għar-riformi kontra l-korruzzjoni. L-aħħar skandlu jhedded li jwassal għal aktar mistoqsijiet skomdi għall-president Ukren.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport