Saturday, December 28, 2024

“Niffokaw fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini”

Il-GWU tippreżenta l-proposti tal-Budget 2025 lill-Partit Nazzjonalista

Aqra wkoll

– General Workers’ Union

“Qegħdin naraw li l-ekonomija Maltija qed tkompli turi r-reżiljenza tagħha, bi tkabbir ekonomiku b’saħħtu jkun indikatur ewlieni, madankollu hemm l-opportunitajiet kif ukoll l-isfidi f’pajjiżna jeħtieġu ppjanar bir-reqqa u tbassir strateġiku.

Issa jmiss qabża fil-kwalità, pjan ħolistiku li jwassalna fejn irridu mmorru mhux biss għall-ekonomija tagħna, iżda wkoll għas-soċjal, għall-ambjent, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport, il-kwalita tal-ħajja li ngħixu, eċċ.,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU f’laqgħa li kellha l-amministrazzjoni tal-GWU mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u membri oħra fil-Partit, fejn ġie ppreżentat id-dokument bil-proposti għall-Budget 2025 imħejji mill-GWU.

“Fid-dokument tagħna sħaqna, kif ilna nisħqu għal diversi snin, li aħna nemmnu li Malta għandha bżonn pjan li jkun ta’ kulħadd, li matulu niffokaw prinċipalment fuq il-kwalita tal-ħajja ta’ċ-ċittadini u viżjoni tal-pajjiż. Viżjoni strateġika nazzjonali ħolistika li tintegra l-elementi kollha tagħha – dawk ekonomiċi, soċjali u ta’ governanza effettiva li tiggwida t-tkabbir tal-pajjiż u tiżgura li s-setturi kollha jaħdmu f’armonija biex jintlaħqu għanijiet komuni.

“Dan l-approċċ komprensiv se jservi bħala pjan ta’ direzzjoni għall-pajjiż. B’hekk Malta tista’ tiżgura postha bħala nazzjon reżiljenti u kompetittiv f’dinja dejjem aktar kumplessa,” kompla Bugeja.

Hawnhekk id-Deputat Segretarju tal-GWU Kevin Camilleri nnota li hawn pajjiżi madwarna li diġa qegħdin jaħsbu u jaħdmu fuq pjan u viżjoni għall-quddiem. Pajjiżi li diġa jinsabu qabilna. Fosthom semma’ l-Ġermanja li b’differenza minn ftit ilu, m’għadhomx jitolbu li persuna li tagħżel li tmur taħdem hemm trid bilfors titgħallem il-lingwa Ġermaniża iżda tmur taħdem għal sitt xhur, wara tieħu lill-familja u tingħata ċ-ċittadinanza wara ftit ladarba tkun aċċettata.
“Irridu nżommu f’moħħna li hawn nuqqas ta’ ħaddiema f’kull livell u li teżisti kompetizzjoni kbira. Huwa importanti li nneħħu in-narrattiva dwar il-ħaddiema barranin, filwaqt li niffokaw f’ħiliet ġodda.”

Il-President tal-GWU Victor Carachi semma’ li jetieġ li rridu naħdmu flimkien, kollha kemm aħna fuq auto-enforcement, dixxiplina fuqna nfusna. Filwaqt li tenna li permezz ta’ sħubija awtomatika tal-ħaddiema fi trejdunjin jinqata’ l-prekarjat.

“il-GWU temmen li din il-miżura hija l-pass li jmiss għal titjib fil-kwalità tal-impjiegi u biex jinqata’ l-isfruttament u l-abbużi li qed isiru fuq il-ħaddiema.”

Fejn tidħol id-dinja tax-xogħol, Bugeja saħaq li għalkemm ir-rata tal-qgħad f’Malta hija f’livell storiku baxx ta’ 3%, iżda n-nuqqas ta’ ħaddiema mħarrġa hija ta’ tħassib. F’dan il-każ il-GWU tipproponi kumpens aħjar, arranġamenti flessibbli ta’ xogħol u programmi ta’ taħriġ biex jinżamm it-talent, li qed jinħass ħtieġa kbira għalih, hekk kif qed jintilef maż-żmien.

Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li pajjiżna għandu bżonn pjan u viżjoni ċara ‘l quddiem. Semma’ li infatti s-sena li għaddiet kienu nedew Pjan Ekonomiku u Soċjali ġdid, pjan li qed ikomplu jtejbu fuqu.

“Naqblu li pajjiżna għandu bżonn viżjoni li dejjem tkun aġġornata. Il-pajjiż irid jimxi ‘l quddiem lejn direzzjoni importanti, direzzjoni waħda. Għandna realtà quddiemna kawża tat-tkabbir tal-popolazzjoni, fejn in-nies qegħdin jitkellmu fuq il-ħtieġa ta’ titjieb fil-kwalità tal-ħajja, biex jiġu indirizzati numru ta’ sitwazzjonijiet relatati mat-tkabbir, fosthom il-problema tat-traffiku, il-qasam tas-saħħa u l-infrastruttura. Aħna nemmnu li nistgħu mmorru għal ekonomija ta’ kwalità fejn minflok ma jiddeċiedu n-numri, ikollna standards ta’ kwalità, fejn min irid jiġi f’pajjiżna jiġi iżda jirrispetta d-direzzjoni tal-pajjiż, għall-ġid tas-soċjetà f’pajjiżna,” qal Dr Bernard Grech.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione u mill-membru parlamentari Ivan Castillo.

Ekonomija

Sport