L-Edukazzjoni hija pilastru tas-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna. L-Edukazzjoni ta’ wliedna trid tkompli, għandha tkompli u kulħadd irid jiġbed ħabel wieħed biex dan iseħħ. Huwa ż-żmien tal-koperazzjoni fejn kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu biex uliedna jgawdu minn edukazjoni ta’ kwalità.
Id-deċizjoni għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel ittieħdet wara li l-awtoritajiet tas-saħħa u dawk edukattivi tkellmu mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u l-Ministri kollha tas-Saħħa u l-Edukazzjoni. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa kienet ċara – l–iskejjel għandhom jiftħu u l-iskejjel fetħu kollha fl-Ewropa kollha. Abbażi ta’ din id-direzzjoni, l-Awtorità tas-Saħħa pubblika Maltija ppubblikat fit-2 ta’ Settembru li għaddha parir u linji gwida li jiddetermina l-mod ta’ kif l-iskejjel se jiftħu.
Mit-2 ta’ Settembru ‘l hawn ġew ippubblikati għadd ta’ linji gwida oħra iktar speċifici li jvarjaw minn dawk tal-MCAST, dawk tal-post-sekondarji u dawk tal-kinder. Huwa fi stadju avvanzat ukoll il-process għall-pubblikazzjoni tal-linji gwida tal-Università. Kull dokument jitkellem dwar kull settur u għandu l-għan li jipproponi miżuri li jserrħu ras lill-edukaturi, l-istudenti u l-ġenituri tagħhom. Kull dokument ġie ppubblikat wara laqgħat twal u dettaljati mal-istakeholders li kienu laqgħat importanti ħafna.
Diġa kienu eluf kbar il-ħaddiema li ilhom ix-xhur li rritornaw fuq il-post tax-xogħol tagħhom u l-ħajja kompliet miexja ‘l quddiem bil-koperazzjoni ta’ kulħadd. Issa wasal il-mument li l-edukaturi jidħlu lura fl-iskejjel.
Hemm aktar minn 50 miżura li ġew implimentati li gew imfasslin fuq il-linji gwida mahruga mill-awtoritajiet tas-sahha pubblika. It-Torċa qed tislet uħud minn dawn il-miżuri:
1. Edukaturi u klassijiet
Fost il-ħamsin miżura li qed jittieħdu fl-iskejjel, numru minnhom qed jittieħdu fil-klassijiet biex ikunu protetti l-edukaturi. Dawn se jkunu pprovduti b’visor kull wieħed, hand sanitizer u antibacterial wipes. Il-klassijiet huma armati b’distanza ta’ 1.5m bejn siġġu ta’ student u ieħor u kif ukoll li d-distanza bejn is-siġġu tal-għalliem u s-siġġu tal-iktar student viċin hija ta’ żewġ metri.
2. Studenti fil-Klassijiet
Miżura oħra importanti ttieħdet fl-iskejjel hija dik li fil-principju l-istudenti jżommu l-klassi tagħhom. B’hekk se jkun evitat taħlit kemm jista’ jkun bejn klassi u oħra u ċaqliq ta’ studenti minn klassi għall-oħra.
3. Spazji Komuni
Fost il-ħamsin miżura hemm ukoll dawk marbutin mal-ispazji komuni. Biex persuna tidħol fl-iskola, trid titteħdilha t-temperatura, u trid tkun liebsa bilfors masrla jew visor. Il-moviment fl-iskejjel se jkun f’direzzjoni waħda biss. Għal dan il-għan, l-art tal-iskejjel ġiet indikata bis-sinjali biex dak li jkun jimxi magħhom. Fl-ispazji miftuħa tal-iskejjel, fuq in-noticeboards, twaħħlu posters informattivi biex kull membru fl-iskola, jinnota l-miżuri li għandu jieħu biex jipproteġi lilu nnifsu u lil ta’ madwaru.
4. Persuni awtorizzati li jidħlu fl-iskola
L-ewwel miżuri jibdew mill-grada tal-iskola. Biex persuna tidħol minn din il-grada trid tkun awtorizzata: għalliema, studenti u membri li jaħdmu fl-iskola. Il-ġenituri qed jintalbu jikkooperaw billi jaslu sal-grada, iżommu d-distanza u jafdaw lil uliedhom għand l-edukaturi.
5. Ħinijiet tad-Dħul u ħruġ
Id-dħul tat-tfal fl-iskejjel, u l-ħruġ tagħhom mill-iskejjel, kif ukoll il-ħinijiet tal-breaks, kull skola għandha tieħu ħsieb li tqassamhom b’tali mod li ma jaħbtux kollha flimkien. Din qed issir biex kemm jista’ jkun ma jitħalltux tfal flimkien u l-kuntatt ikun mill-inqas.
6. Dħul fl-iskola
Kif student u persuna awtoriżżata tgħaddi mill-grada, u tiġi quddiem il-bieb tal-iskola, trid tgħaddi minn dan il-proċess: se titteħdilha t-temperatura, trid tkun liebsa l-masrla jew il-visor u tagħmel is-sanitizer. Kif persuna tkun awtorizzata li tista’ tidħol l-iskola, se tagħmel dan billi ssegwi l-miżuri l-oħrajn li hemm fl-iskejjel.
7. Użu tal-faċilitajiet sanitarji
Fost il-ħamsin miżura hemm ukoll dawk dwar l-użu tal-faċilitajiet sanitarji. L-istudenti għandhom jidħlu fihom b’mod garbat u kkoordinat. F’dawn il-faċilitajiet se jkun hemm distanza ta’ 1.5 m bejn sink u ieħor u għalhekk inagħlaq l-aċċess għas-sink tan-nofs. Kull skola għandha kemm is-soap dispensers, il-paper hand towel dispensers, kif ukoll li f’kull faċilità sanitarja hemm il-posters kollha informattivi biex ikomplu jwasslu l-messaġġ dwar l-importanza li kulħadd għandu jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u lil dawk ta’ madwaru.
8. Tindif taż-Żoni Komuni
F’kull skola hemm żoni li jintużaw mill-komunità kollha, studenti u edukaturi, għalhekk fost il-miżuri hemm is-sinjali li jiggwidaw lil kulħadd. Importanti l-użu tal-one-way traffic system biex ijitnaqqas il-kuntatt flimkien, tinżamm id-distanza waqt il-mixi u jkunu osservati l-posters u l-informazzjoni li hemm madwar l-iskola kollha. Dawn iż-żoni komuni se jitnaddfu skont il-pariri u l-gwida maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
9. Tindif fl-entratura u fil-btieħi tal-Iskejjel
It-tindif fl-iskejjel huwa fost il-miżuri li qed jingħata l-importanza tieħu biex ikunu protetti kull min qiegħed fl-iskejjel. Fost il-miżuri hemm it-tindif fil-partijiet ta’ barra tal-iskejjel. Kuljum se titnaddaf l-entratura ta’ barra ta’ kull skola, kif ukoll il-btieħi li jintużaw matul il-ġurnata.
10. Tindif tal-kmamar komuni
It-tindif fl-iskejjel qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa. Fl-iskejjel hemm kmamar magħrufa bħala common rooms, fejn jintużaw minn iktar minn ‘bubble’ waħda. F’dan il-każ meta toħroġ il-‘bubble’, jiġifieri meta joħorġu l-istudenti, ser jidħlu l-persuni responsabbli mit-tindif u jnaddfu l-common room qabel jidħol il-grupp ta’ wara.
11. Inqas taħlit u kuntatt bejn l-istudenti
Fost il-miżuri fl-iskejjel medji u sekondarji huwa dak li jitnaqqas it-taħlit u l-kuntatt tal-istudenti. Sas-sena li għaddiet, bejn lezzjoni u oħra, l-istudenti kienu joħorġu mill-klassijiet tas-suġġett, jitħalltu kollha flimkien u jerġgħu jiffurmaw klassijiet differenti. Dis-sena l-klassijiet ikunu tal-istudenti biex kemm jista’ jkun l-istudenti, bħala grupp, bħala ‘bubble’, jibqgħu kemm jista’ jkun ħin fiha. Importanti li kull student u kull studenta jżommu l-istess desk u l-istess mejda għalihom. It-tieni, minflok ma jitħalltu t-tfal f’suġġetti bħall-options, se jkunu miġbura fi gruppi ħafna iżgħar biex it-taħlit isir fi grupp żgħir ħafna. B’dan il-mod se jitnaqqas il-kuntatt u ċ-ċaqliq minn klassi għall-oħra u l-kuntatt se jkun ma’ gruppi ħafna u ħafna iżgħar minn dak li konna mdorrijin bih qabel. B’hekk se jkunu protetti l-istudenti, l-edukaturi u lil kull min jaħdem fl-iskejjel.
12. Armar tal-klassijiet
Fost il-miżuri biex jinfetħu l-iskejjel mill-ġdid hemm l-armar tal-klassijiet fl-iskejjel. Distanza ta’ 1.5m bejn siġġu u ieħor u distanza ta’ 2m mis-siġġu tal-edukatur għas-siġġu tal-istudent. Kull student se jżomm l-istess klassi tiegħu fejn hu possibbli. Kull student se jintalab iżomm l-istess desk u l-istess siġġu tiegħu tul il-ġurnata, il-ġimgħa u s-sena skolastika kollha. Dan qed isir biex kemm jista’ jkun jitnaqqas ir-riskju li jixxerred il-virus. Il-klassijiet se jinżammu miftuħin: twieqi miftuħin u l-bieb ta’ barra miftuħ. Ma jingħalqux minħabba l-ventilazzjoni li hija meħtieġa.
13. Isolation Room
Se jkun hemm dik li qed tissejjaħ Isolation Room. Din il-kamra se tintuża biex dawk it-tfal li jinstab li għandhom id-deni sakemm qiegħdin fl-iskejjel, jinġiebu f’din il-kamra u jistennew lill-ġenituri jew lill-kustodji tagħhom jiġu għalihom. Importanti ħafna li meta l-ġenituri jew kustodji jirċievu telefonata mill-iskola, jiġbru lit-tfal tagħhom mingħajr dewmien.
14. Risk assessment
Fil-pjan implimentattiv miżura minnhom hija dik sar Risk Assessment f’kull skola. Din hija miżura addizzjonali li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol iddeċieda li jżid minkejja li ma kinetx rikjesta mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Saret biex il-Ministeru jkun ċert li l-miżuri kollha jkunu ttieħdu f’kull skola madwar Malta u Għawdex.
15. Ilies protettiv
Waqt li l-edukaturi jridu jilbsu l-maskri kontinwament, it-tfal taħt it-tliet snin mhux se jkunu mitluba jilbsu l-maskri. Tfal li għandhom bejn sitta u 11-il sena għandhom jilbsu l-maskri barra mill-klassijiet waqt li l-istudenti ta’ iktar minn 11-il sena jridu jilbsu l-maskri f’kull ħin, kullimkien.
16. Trasport tal-Iskola
Il-linji gwida jikkontjenu regoli importanti dwar it-trasport tal-iskola, li huma s-segwenti:
1. il-vjaġġi jridu jinżammu qosra kemm jista’ jkun;
2. Il-kunċett li l-gruppi fit-trasport tal-iskola jibqgħu distinti u ma jitħalltux għandu jinżamm;
3. It-twieqi jinżammu miftuħin kemm jista’ jkun;
4. It-tfal iridu jżommu bilqiegħda f’kull ħin u jżommu distanza bejn xulxin;
5. L-istudenti u x-xufiera jrid ikollhom maskra milbusa;
6. Il-vetturi jitnaddfu b’mod regolari;
7. Jinżamm rekord ta’ kull min rikeb u niżel.
Importanti ħafna li l-ġenituri jieħdu t-temperatura tad-deni qabel ma t-tfal jirkbu fuq il-vann.
17. Homewerk
Fejn huwa possibbli l-homewerk għandu jsir b’mod onlajn biex b’hekk jiġu evitati karti jew pitazzi u fejn ma jistax isir hekk, jittieħdu l-prekawzjonijiet. Waħda minnhom hija li x-xogħol tal-istudenti jiġi kkoreġut b’mod kollettiv fil-klassi.
18. Taghlim onlajn f’kas ta’ bżonn
L-iskejjel se jkunu mħejjija għat-tagħlim onlajn f’kas li jkun hemm bżonn l-użu tagħhom. Dan it-tagħlim ikun strutturat fuq timetable maqbula minn qabel.
Għall-ftuħ tas-sena skolastika l-ġdida kien hemm ħidma mal-imsieħba kollha nvoluti fis-Settur Edukattiv f’Malta, u wkoll mal-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin u dawk barranin biex kemm jista’ jkun, dak kollu li jista’ jsir fl-iskejjel bħala miżuri setgħu jittieħdu.
L-appell huwa biex kull wieħed u kull waħda minna nieħdu ħsieb insegwu l-miżuri bl-almu kollu tagħna u bir-reqqa kollha possibbli.
Il-miżuri u aktar informazzjoni jistgħu jkunu aċċessati fuq il-midja soċjali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Facebook Edukazzjoni u wkoll is-sit uffiċjali newsbreak.edu.mt.