Friday, December 13, 2024

Niġerjan ħati li xeħet tajer lejn debba

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 22 sena min-Niġerja kien ikkundannat sena ħabs wara li nstab ħati li f’razzett f’Għawdex ħaqar debba.

Robert Omo kien akkużat li fit-30 ta’ Settembru li għadda, f’xi ħin bejn is-7.15 p.m. u t-8.00 p.m. fix-Xewkija, ġiegħel annimal isofri, offenda l-pudur b’għemil f’post pubbliku u li fl-1 ta’ Ottubru 2020 daħal fil-proprjetà ta’ Johnnie Xuereb.

Peress li Omo ntlemaħ fir-razzett bil-qalziet imniżżel il-familja Xuereb ħasbet li se jkollu x’jaqsam mad-debba, li jisimha Katya, madankollu dan ma ġiex pruvat.

Fil-fatt il-Maġistrat Joe Mifsud irrimarka li mill-filmat esebiet iż-żagħżugħ jidher imiss lid-debba u jniżżel il-qalziet li kien liebes mbagħad imur wara d-debba u jibqa’ miexi ħdejha.

“Wara jidher itella’ il-qalziet, joħroġ minn ħdejn l-istalel ipejjep sigarett. Jerġa’ jidħol lura fl-istalel u jmur lejn fejn kienet id-debba li ċċaqalqet minn postha fejn kienet qabel. L-imputat jidher isawwat lid-debba u anke jagħtiha bis-sieq u b’oġġett iebes. Jidher jerġa’ joħroġ mill-istalel, jidher jiġbor tajer jerġa’ jidħol fejn kienet fejn kienet id-debba u jwaddab it-tajer lejn id-debba”.

Il-Maġistrat Mifsud ma sabx liż-żagħżugħ ħati li offenda l-pudur tal-pubbliku u irrimarka li għalkemm Xuereb seta ħaseb li dan kien qed iwettaq att sesswali mad-debba f’Malta l-att sesswali ma’ annimal mhux reat u għalhekk jifhem għala l-prosekuzzjoni ressqet l-akkuża tal-offiża fuq il-pudur anke jekk din ma ġietx pruvata.

Dwar it-tielet akkuża l-Maġistrat Mifsud sostna li kien pruvat li ż-żagħżugħ daħal fir-razzett mingħajr permess.

Meta ġie biex jagħti s-sentenza huwa ikkwota lil Mahatma Gandhi jgħid li l-kobor ta’ pajjiż jiddependi minn kif jittratta l-annimali.

Hawnhekk sostna li sfortunatament il-poplu Malti ma tantx għandu għalxiex jiftaħar  hekk kif minn żmien għal żmien joħorġu rapporti li “jiddisturbaw” il-kuxjenza ta’ dawk li għandhom għal qalbhom l-annimali.

Il-Maġistrat Mifsud għamilha ċara wkoll li anke l-annimali għandhom id-drittijiet tagħhom.

Kien għalhekk li waqt li sab lil Omo ħati ta’ moħqrija ta’ annimali u li daħal fi proprjetà privata ikkundannah sena ħabs u multa ta’ €3,000.

Huwa appella wkoll lill-Bord tal-Appelli tar-Refuġjati biex jiddeċiedi malajr fuq id-deċiżjoni tal-Kummissarju tar-Refuġjati li Omo kellu japplika għall-ażil fl-Italja u mhux f’Malta ħalli meta jiskonta l-piena ta’ ħabs ikun deportat lejn l-Italja minn fejn ġie.

Il-Maġistrat Mifsud żied ukoll li wasal iż-żmien li f’każijiet mingħajr kumplikazzjonijiet legali bħal dan il-Bord tal-Appelli tar-Refuġjati jiddeċiedi dwar il-każijiet fi żmien tliet xhur minn meta toħroġ id-deċiżjoni tal-Kummissarju tar-Refuġjati.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri li investiga l-każ.

Ekonomija

Sport