Friday, December 20, 2024

Niġerjan mistenni jitressaq il-Qorti fuq romance fraud

Aqra wkoll

Wara li s-sena li għaddiet tressqu l-Qorti numru ta’ persuni b’rabta ma’ allegat frodi magħruf bħala ‘romance fraud’, komplew l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ din l-iskema mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid u mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji. 

Dawn l-investigazzjonijiet wasslu biex ġiet identifikata persuna oħra allegatament involuta, raġel ta’ 40 sena min-Niġerja, residenti San Pawl il-Baħar. Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li r-raġel ħarab minn Malta, iżda fil-ġimgħat illi għaddew ġie arrestat fir-Renju Unit permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Internazzjonali maħruġ mill-Pulizija Maltija. 

Ir-raġel kien deportat lejn Malta fis-sigħat illi għaddew u mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-11:15 a.m. quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello, u jkun akkużat b’ħasil ta’ flus u li rċieva oġġetti misruqin, fost oħrajn. 

Il-Prosekuzzjoni se titmexxa mill-Avukati Dr Karl Muscat, Dr Sean Xerri de Caro u Dr Abigail Caruana Vella mill-Ufficju tal-Avukat Generali, flimkien mal-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa mid-Distrett ta’ Raħal Ġdid u mill-Ispettur Claire Vella Borg mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji. 

Ekonomija

Sport