Iż-żagħżugħ Niġerjan ta’ 23 sena li kien involut f’inċident tat-traffiku aktar kmieni din il-ġimgħa ser jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Lara Lanfranco.
Huwa se jitressaq il-Qorti għall-ħabta tat-3:30 p.m u mistenni jkun akkużat b’sewqan perikoluż u li kkaġuna ġrieħi involontarji, fost akkużi oħra.
L-inċident seħħ il-Ġimgħa filgħodu fi Triq in-Naxxar fil-Għargħur u kawża tal-imsemmi inċident żewġ persuni ddaħħlu l-Isptar għall-kura.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Mercedes C220 misjuqa minn Niġerjan ta’ 23 sena residenti s-Swieqi, u Mercedes Benz SLK250 misjuqa minn mara ta’ 28 sena residenti l-Iklin. Fl-ewwel vettura kien hemm ukoll mara ta’ 24 sena residenti n-Naxxar.
Fil-post issejħu ambulanza u tim mediku sabiex jassistu lill-mara u n-Niġerjan sakemm dawn setgħu jittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament filwaqt li ż-żagħżugħ irriżulta li sofra minn ġrieħi gravi.