Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Dan l-isport minn dejjem kien jogħġobni. Niftakar meta kont fil-Primarja kont fost l-aqwa fejn jidħol ‘short distances’ u fl-isports days dejjem kont nirbaħ xi ħaġa. Imbagħad qisu dawn l-aħħar tmien snin kont bdejt niġri u ddeċidejt li ninkiteb għall-ewwel edizzjoni tan-Nadur Garmin 8k li llum saret 10k.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Il-kelma ‘maġġuri’ forsi mhix il-kelma adattata għalija peressli ma nħossnix u minix atleta professjonali peró kuntent li matul dawn it-tmien snin irnexxieli ntellaq u ntemm b’suċċess ħafna tlielaq u nitla’ fuq diversi podiums lokalment kif ukoll nirbaħ diversi 1st jew 2nd Age Groups. Fost dawn ta’ min isemmi r-rebħa tal-ewwel edizzjoni tal-OASI 2023 cup run -5km u First Gozitan trophy f’edizzjoni tal-Gozo Half Marathon. Barra minn Malta tellaqt erba’ darbiet fejn irnexxieli niġi 9th overall fir-Rimini 10miles, 27th overall f’Athens 10k, 5th overall u second age group f’Lakatamia 5k ġewwa Ċipru fejn irbaħt l-ewwel trofew barra minn xtutna u issa riċenti pparteċipajt fl-ewwel Superhalf f’Lisbona 2025.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-atletika f’Malta qiegħed kulma jmur jiżdied u l-parteċipazzjoni u allura l-kompetizzjoni qed tikber anke permezz ta’ inizjattivi minn NGOs u organizzazzjonijiet oħra li qed jorganizzaw tlielaq madwar Malta u Għawdex.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Fuq din nixtieq niġbed ftit attenzjoni għaliex aħna l-Għawdxin m’għandniex fejn nitħarrġu għajr fil-korsa taż-żwiemel fil-limiti tax-Xewkija li l-istat tat-trakka tagħha huwa diżastruż u biż-żrar u ma tistax tmur tittrenja fid-dlam għax m’hemmx dawl biżżejjed. Nixtieq li l-awtoritajiet jinvestu f’Għawdex u jipprovdulna trakka tal-ġiri tad-daqs ta’ dik tal-Marsa u dan jista’ jsir fl-istess korsa taż-żwiemel ġewwa Ta’ Xħajma fil-limiti tax-Xewkija għaliex hija kbira biżżejjed biex issir 800mtr track.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Issa li f’Lulju li għadda bdilt il-klabb u qiegħed mal-Evolve Endurance Club, għandi kowċ jiggwidani u x-xewqa tiegħi hija li nibqa’ nipprattika dan l-isport u li ntejjeb il-ħinijiet li għandi f’kull kategorija li niġri speċjalment fin-Nofs Maratona u fil-Maratona.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Nixtieq ngħid lil kull min jixtieq jibda jipprattika dan l-isport sabiex jagħmel kuraġġ u jibda ftit ftit u bilmod. Dan l-isport jikber u jsir parti minnek diment li tkun konsistenti, tipprattikah spiss u timxi mal-gwida ta’ kowċ stabbilit u b’ħila u b’esperjenza f’dal-qasam. Dan l-isport inessik kollox u jġiegħlek tistrieħ mentalment għalkemm xi kultant tbati fiżikament. Fuq kollox iżda dan l-isport lili personali tani familja oħra ta’ ħbieb li bħali qed jipprattikaw u jaqmu l-istess avventura atletika. F’dan l-isport ma nemminx f’min ġie l-ewwel jew l-aħħar, imma f’kull min tfaċċa quddiem tellieqa/sfida u rnexxielu jasal sal-aħħar bil-ħiliet u l-abbilitajiet differenti tiegħu. Dan l-isport jagħmilni ferħan għax ninsa kollox u kull ġirja hija avventura ġdida. Nirringrazzjak minn qalbi talli tajtni din l-opportunitá u talli dejjem tkun minn ta’ quddiem li tirriklama dan l-isport tal-atletika bl-intervisti u l-ġurnalizmu impekkabli tiegħek u ta’ sħabek oħrajn f’dal-qasam!
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, nixtieq nirringrazzja lill-familja tiegħi li tissapportjani u tagħtini ċ-ċans, kif ukoll lil Alla talli jagħtini s-saħħa sabiex inkompli nipprattika dan l-isport li tant inħobb!