Nikkundannaw bl-aktar mod qawwi l-attakki reċenti mill-Iran fuq bastimenti kummerċjali mhux armati fil-Golf, attakki fuq infrastruttura ċivili inklużi installazzjonijiet taż-żejt u l-gass, u l-għeluq de facto tal-Istrett ta’ Hormuz mill-forzi Iranjani.
Dan iddikjarawh il-mexxejja tar-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda, il-Ġappun u l-Kanada dwar l-Istrett ta’ Hormuz. Huma esprimew t-tħassib tagħhom dwar il-kunflitt li qed jeskala. Dan filwaqt, li appellaw lill-Iran biex iwaqqaf immedjatament it-theddid tiegħu, it-tqegħid ta’ mini, l-attakki bid-drones u l-missili u tentattivi oħra biex jimblokka l-Istrett għat-tbaħħir kummerċjali u biex jikkonforma mar-Riżoluzzjoni 2817 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.
Huma iddikjaraw ukoll li; “il-libertà tan-navigazzjoni hija prinċipju fundamentali tad-dritt internazzjonali, inkluż taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar. L-effetti tal-azzjonijiet tal-Iran se jinħassu min-nies fil-partijiet kollha tad-dinja, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli”.
Konsistenti mar-Riżoluzzjoni 2817 tal-UNSC, huma enfasizzaw li tali interferenza mat-tbaħħir internazzjonali u t-tfixkil tal-ktajjen globali tal-provvista tal-enerġija jikkostitwixxu theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. F’dan ir-rigward, appellaw għal moratorju komprensiv immedjat fuq attakki fuq infrastruttura ċivili, inklużi installazzjonijiet taż-żejt u l-gass.
Esprimew r-rieda tagħhom li jikkontribwixxu għal sforzi xierqa biex jiżguraw passaġġ sikur mill-Istrett. Qalu li qed jilqgħu l-impenn tan-nazzjonijiet li qed jinvolvu ruħhom fi ppjanar preparatorju.
Enfasizzaw li; “jilqgħu d-deċiżjoni tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija li tawtorizza rilaxx ikkoordinat ta’ riżervi strateġiċi tal-petroleum. Se nieħdu passi oħra biex nistabbilizzaw is-swieq tal-enerġija, inkluż ħidma ma’ ċerti nazzjonijiet produtturi biex tiżdied il-produzzjoni”
Il-mexxejja tal-pajjiżi msemmija spjegaw li se jaħdmu wkoll biex jipprovdu appoġġ lin-nazzjonijiet l-aktar milquta, inkluż permezz tan-Nazzjonijiet Uniti u l-IFIs.
Tennew jgħidu li s-sigurtà marittima u l-libertà tan-navigazzjoni jibbenefikaw il-pajjiżi kollha. Appellaw lill-istati kollha biex jirrispettaw il-liġi internazzjonali u jżommu l-prinċipji fundamentali tal-prosperità u s-sigurtà internazzjonali.

