Il-President ta’ Malta George Vella fid-diskors tiegħu għal Jum ir-Reppublika tkellem dwar l-immigrazzjoni rregolari fejn sostna li bħala umani “għandna obbligu li ngħinuhom”. Huwa qal li bħala pajjiż tlabna l-appoġġ minn dawk ikbar minnha iżda, minkejja s-sitwazzjoni, għamilha ċara li “nikkundannaw bla ebda riserva kull kliem jew azzjoni li ssir minn min huwa intolleranti jew iħoss li huwa superjuri min-nies oħra”.
Minn statistika li Vella kkwota b’dispjaċir qal li huma biss 27% tal-Maltin li jħossuhom komdi ħafna bil-multikulturaliżmu mentri fuq in-naħa opposta hemm 23% li jistqarru ċar u tond li mhumiex.
Il-President ta’ Malta qal li ż-żieda fil-popolazzjoni tagħna hija fenomenu li għandu rabta mat-tkattir u l-firxa tal-oqsma ekonomiċi f’pajjiżna. Vella spjega li l-ħaddiema barranin illum il-ġurnata huma mifruxa fl-oqsma kollha u li hemm problemi ġodda b’każijiet ta’ allegat sfruttament u problemi ta’ akkomodazzjoni fost l-oħrajn.
“Dawn huma nies ġew milqugħa f’pajjiżna biex jagħmlu xogħol bżonnjuż. Kemm qegħdin nadmu għall-integrazzjoni? Għad hawn Maltin li ma jħossuhomx komdi b’dawn il-barranin fostna u rridu naċċettaw il-fatt li aktar ma jgħaddi żmien, aktar pajjiżna se jsir multi kulturali. Hemm bżonn anke f’dan is-settur ta’ edukazzjoni u preparazzjoni għall-futur,” insista George Vella.