Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, fl-intervent tiegħu waqt it-12-il edizzjoni tal-President Solidarity Fun Run qal li l-enfasi għalih f’din l-inizjattiva sabiħa hija fuq il-kelma “mixja”. Huwa qal li flimkien bħala poplu rridu nimxu flimkien taħt gwida, li f’dan il-każ hija f’idejn il-President ta’ Malta, ħalli nagħmlu l-ġid lil dan il-pajjiż u lill-poplu Malti. Dan bil-għan li lkoll nimxi ‘l quddiem.
Grech qal li, “huwa pożittiv ħafna u ta’ pjaċir li tara li s-sejħa tal-President ta’ Malta nwiġbuha lkoll flimkien. Li qiegħed nara sabiħ illum huwa li l-lokalitajiet differenti qegħdin jingħaqdu wkoll u allura fil-qalba tal-lokalitajiet għandek ġimgħat ta’ nies li laqgħu din is-sejħa. Meta nieqfu lkoll flimkien nemmen li nistgħu ngħinu lil kulħadd u allura ngħinu anke lil dawk il-persuni li għandhom bżonn ta’ għajnuna fl-aktar mumenti diffiċli”.
Fl-intervent tiegħu l-Kap tal-PN semma’ l-fatt li l-konkorrenza kbira hija sinjal pożittiv għax dan juri li hemm aktar nies li ħadu l-inizjattiva u anke ngħataw ir-responsabbiltà u għaldaqstant infetħet aktar din il-mixja. Grech spejga li, “flok għandek mixja waħda kbira fit-toroq arterjali ta’ pajjiżna, għandek attività li qiegħda ssir fil-lokalitajiet. Dan huwa l-poplu Malti. Li mill-familji jmorru għal-lokalità, fil-komunità u mill-komunità għar-reġjuni kollha tal-pajjiż. Għalhekk, il-poplu Malti kollu huwa magħqud fil-lokalitajiet wara l-President biex proprju juri li dan huwa pajjiż b’saħħtu f’parteċipazzjoni ta’ solidarjetà ma’ min verament għandu bżonn”.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni għadda messaġġ lil dawk li ma setgħux jipparteċipaw fl-attività tal-bieraħ, fejn qal li kull min jista’ jagħti donazzjoni jew inkella jixtri l-flokk tal-okkażjoni, dan huwa mod ieħor kif wieħed jista’ jikkontribwixxi u jgħin lill-persuni fil-bżonn.