It-tnedija tal-pubblikazzjoni ġdida mill-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) ”Gżejjer f’Kontinent” kienet okkażjoni biex nemfasizza l-importanza li jikber l-għarfien tal-poplu tagħna dwar aspetti varji tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea. Dan il-ktieb sar bil-kollaborazzjoni bejn SEM u Europe Direct Valletta.
Faħħart din l-inizjattiva għaliex inħoss li huwa tassew meħtieġ li ma nibqgħux niddiskutu l-Unjoni Ewropea bħala istituzzjoni li wieħed jara jekk hux vijabbli jew le li jkun imsieħeb magħha. Irridu mmorru lil hinn minn hekk u issa li għalaqna 21 sena bħala Stat Membru ta’ din l-Unjoni għandna nkunu b’għajnejna miftuħin u b’kuraġġ bħala ċittadini Maltin nikkontribwixxu għall-futur tal-Ewropa tagħna.
Fil-fatt, il-ktieb li nediet l-Aġenzija SEM jistieden għal konversazzjoni matura, riflessjoni u diskussjoni dwar pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Il-pubblikazzjoni tfittex li tressaq perspettiva artistika u riflessiva dwar l-esperjenza u l-vjaġġ ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Il-ktieb fih seba’ stejjer miktuba minn awturi stabbiliti Maltin u huwa immirat lejn pubbliku adult u joffri riflessjonijiet profondi fuq kif is-sħubija fl-Unjoni Ewropea influwenzat l-identita Maltija fuq livell individwali u kollettiv.
Is-seba’ rakkonti li fih dan il-ktieb iħarsu lejn is-sħubija fl-Unjoni Ewropea minn aspetti differenti bħala stejjer imnebbħa mill-esperjenza tal-ħajja ta’ gruppi u individwi. Il-qarrejja jistgħu jirriflettu fuq kif l-identita Maltija nbidlet, kif minn poplu ta’ nazzjon fuq gżira ċkejkna sirna parti minn familja Ewropea ħafna akbar minn tagħna.
Il-ktieb jindirizza temi varji bħaż-żgħażagħ u l-opportunitajiet ġodda li nħolqu grazzi għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, l-anzjanità f’soċjetà Ewropea, l-irwol tal-mara fis-soċjetà attwali, il-multikulturaliżmu u l-integrazzjoni, u l-impatt tal-fondi Ewropej fuq il-ħajja ta’ kuljum. Il-ktieb jista’ jservi ta’ għodda edukattiva u kulturali li tgħin biex in-narrattiva dwar l-Unjoni Ewropea f’Malta tkun dwar ir-realtà li ngħixu, li tkabbarna u timmaturana bħala ċittadini Maltin u Ewropej.
Waqt it-tnedija ta’ din il-pubblikazzjoni kelli l-opportunita nirrimarka dwar dak li nħoss li huwa nuqqas tal-poplu tagħna li jkollu għarfien sħiħ dwar l-istorja ta’ pajjiżna, partikolarment dwar dak li seħħ minn wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. Sħaqt kif bħala poplu għandu jkollna għarfien sħiħ dwar il-mixja ta’ pajjiżna li seħħet kemm bħala għażliet li għamel il-poplu stess jew li għamlu għalih il-mexxejja tiegħu. Nemmen li dan l-għarfien huwa nieqes ħafna u għandna nkunu kapaċi niddiskutu l-istorja ta’ pajjiżna b’mod responsabbli u matur biex nifhmu tassew minn x’hiex għadda pajjiżna.
Inizjattiva bħal din tal-pubblikazzjoni tal-ktieb “Gżejjer f’Kontinent” żgur li tgħin biex nibgħatu messaġġ b’saħħtu li dan il-poplu tagħna, mix-xejn, minn pajjiż bla riżorsi ta’ xejn, irnexxielu jagħmel suċċessi kbar. Dan huwa l-messaġġ li għandna nkomplu mmexxu ‘l quddiem.


