Kwistjoni li tħassibbna mhux ftit hija l-fatt li l-poplu Malti donnu sar iqum għall-okkażjoni f’mumenti fejn iseħħu avvenimenti kbar li jniggżuh fil-laħam il-ħaj biex imbagħad ftit tas-sigħat wara kollox jirritorna għal li kien. Ftit tax-xhur ilu smajna dwar ftit mill-ħafna każi ta’ abbużi li jsofru dawk il-ġenituri li ta’ kuljum iridu jħabbtu wiċċhom ma persuni li mhumiex konxji dwar kundizzjonijiet bħalma huma l-awtiżmu. F’dawk il-jiem, smajna dwar diversi każi ta’ ġenituri li qamu għall-okkażjoni biex isemmgħu leħinhom biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom fis-soċjetà li sfortunatament għadek issib ħafna persuni fiha li huma mdallmin u ma jifhmux.
Tkellimna dwar il-bżonn li nsaħħu lil pajjiżna u li nżidu l-inklużjoni u forsi wkoll anke b’kumbinazzjoni fl-istess perjodu pajjiżna ospita l-Ispecial Olympics. Ħafna kienu dawk li wrew simpatija lil diversi atleti u bħal bdew jifhmu li dawn jistgħu jirnexxu biex jilħqu l-objettivi tagħhom bħalma nies li s-soċjetà tirreferi għalihom bħala normali jqumu u jaħdmu għalihom ta’ kuljum. Iva nemmnu li dak iż-żmien kien perjodu sabiħ fejn pajjiżna wera biċ-ċar kemm hu determinat li jkisser l-istigma li ilha tkaxkar għal għexieren ta’ snin u jkisser din il-blata ta’ ħsibijiet fejn dawk l-aktar milqutin mill-qrib jispiċċaw vittmi ta’ ħsibijiet li jtaqqluhom dwar kif se jispjegaw lill-bqija tas-soċjetà.
Għaddew ftit xhur u donnu ma baqax ġenituri li jidħlu f’kafetterija u jispiċċaw ikkritikati jew saħansitra umiljati għax it-tfal tagħhom qegħdin jagħmlu ħafna storbju. Donnu m’għadx hawn dawn l-isfidi. Fil-verità dawn il-ġenituri qegħdin ibatu fis-silenzju. Iżda il-bniedem kemm jiflaħ jiġma fih innifsu? Kemm jiflaħ jaqla’ daqqiet? Kemm jiflaħ jgħid forsi għada tkun ġurnata aħjar jekk l-għada jasal u jerġa’ jgħix bl-istess rimors?
Dan kollu jwassalna għal problema oħra li bħal donnu qisha twarrbet meta r-realtà qiegħda tkompli tikber. Kemm qegħdin nieħdu ħsieb is-saħħa mentali ta’ wliedna? Mhix kwistjoni ta’ servizzi varji li joffri l-istat biss. Għalkemm ta’ min jirrikonoxxi li fl-aħħar snin saru avvanzi kbar u dawn is-servizzi żdiedu, ma jfissirx li hawn biżżejjed għarfien dwar kif wieħed jista’ jibbenefika minn dawn l-għajnuniet.
Pjaga kbira li rċevejna numru ta’ każijiet li jkexkxuk inti u tismagħhom hija dik dwar żgħażagħ li mhux qegħdin ikunu kapaċi jaffaċċjaw realtajiet li meta tikkumparahom mal-bqija tal-problemi tal-ħajja tifhem kemm dawn huma minimi u li l-ħsieb tagħhom huma li jwittulna t-triq għal sfidi akbar. Ma nemmnux li xogħolna huwa li nitfgħu l-ħtija fuq l-individwu, il-ġenituri tiegħu jew terzi li jkunu involuti, iżda li hu żgur huwa li ma nistgħux nħallu aktar żgħażagħ ineħħu ħajjithom bla ma nieħdu azzjoni. Irrelevanti min se jibda… l-inqas importanti.
Madanakollu mhux aċċettabbli li fil-ħajja mgħaġġla li qegħdin ngħixu f’ħajja moderna jkollok fjuri li jitbielu minħabba raġunijiet bħalma hija tmiem ta’ relazzjoni li tkun ilha li bdiet biss ftit xhur. Kull persuna jixirqilha li tgħix b’tali mod li filgħodu tqum għal skop li tibni karriera, li twettaq ċertu ħolm bħalma huma esperjenzi lil hinn mid-dinja tax-xogħol u għalhekk jeħtieġ li s-soċjetà tifhem lil xulxin u mhux issibha lesta biex terġa’ tikxef ferita li tkun qabdet tieqaf tnixxi d-demm.
Is-saħħa mentali mhix xi logħba u għalkemm dawk li jinsabu maqbudin f’din ix-xibka mhumiex persuna jew tnejn, jeħtieġ li nqumu għall-okkażjoni. Ma nistgħux ninġarru mal-kurrent u jeħtieġ li dawk li qegħdin maqbudin f’din ix-xibka jiingħaqdu biex jippruvaw isibu t-tarf qabel ikun tard wisq. Li hu żgur hu li ma nistgħux nitilfu iżjed ħajjiet li għada pitgħada jistgħu jkunu l-futur tas-soċjetà tagħna.