Saturday, December 21, 2024

NINDUKRAW IL-PATRIMONJU MALTI

Aqra wkoll

Il-ħarsien tal-ambjent naturali jġib miegħu wkoll il-ħarsien tal-ambjent fiżiku, bħalma hu l-patrimonju ta’ pajjiżna. Għaldaqstant ma nistgħux narmu dak li ħallewlna ta’ qabilna u għaldaqstant għandna obbligu kbir u responsabbiltà li nħalluh bla mittiefes lil ta’ warajna. L-istorja ta’ pajjiżna tiżboq is-6,000 sena u għalhekk għandna għaliex inkunu kburin bl-istorja ta’ pajjiżna.

Dak kollu li l-gżejjer Maltin huma mogħnija bih u li ksibna matul is-snin fl-istess ħin jagħmilna uniċi u distinti minn ġnus oħra. Għalhekk il-wirt tanġibbli li għandna, bħal mużewijiet, knejjes, tempji, bereġ, arti u pittura, u patrimonju ieħor importanti, irridu naraw li jibqa’ jingħata l-protezzjoni li tixraqlu u fejn ikun hemm bżonn isir ir-restawr meħtieġ.

Minn dan m’għandniex dubju li qed isir. U f’dan l-isfond ma nistgħux ma nfaħħrux il-ħidma sfiqa li qiegħda ssir minn dawk kollha involuti fil-ħarsien u t-twettiq ta’ proġetti li għandhom l-għan li ma jħallux il-patrimonju Malti jitmermer u jintemm. Mhux l-inqas l-ilsien tagħna l-Maltin, li huwa l-uniku mezz li jidentifikana bħala poplu sovran u ħieles.

Nemmnu li l-proġetti li qed isiru bħalissa, parti mħallsin minn fondi lokali u parti minn fondi Ewropej, huma xhieda ta’ kemm iż-żamma u l-ħarsien tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna huwa ta’ prijorità għall-Gvern u anke għal għaqdiet oħra mhux governattivi li qed jagħtu s-sehem tagħhom f’dan il-qasam.

Għalhekk importanti ħafna li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu u nibżgħu għal dak li għandna, sabiex dak li qed ingawdu llum, ikunu jistgħu jgawduh ukoll il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. 

Wara kollox, dan il-qasam minnu nfih joħloq ukoll għadd ta’ benefiċċji fosthom li mhux biss itejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna l-Maltin imma wkoll iservi ta’ attrazzjoni għall-barranin li jżuru artna minn żmien għall-ieħor, partikolarment fl-istaġun turistiku.

Irridu wkoll nagħmlu l-esperjenza tagħna waħda li tippersisti matul is-sena kollha u mhux biss għal waqtiet iżolati, l-aktar fl-istaġun tas-sajf. Għaliex huma inizjattivi bħal dawn li jkomplu jesponu b’mod aħjar u aktar qawwi dak kollu li huwa tagħna l-Maltin bħala poplu.

Irridu niftakru li f’Malta hawn attrazzjonijiet li ma ssibhom imkien f’ebda pajjiż ieħor u għal dan kollu hija responsabiltà ta’ kulħadd li dan il-wirt nazzjonali jibqa’ jiġi preservat bl-aħjar mod sabiex b’hekk ikun jista’ jitgawda u l-istorja ta’ pajjiżna ma tmut qatt.

Ekonomija

Sport