Saturday, December 21, 2024

“Ningħaqdu fit-talb mal-persuni fl-Afganistan li għaddejjin minn żmien diffiċli” – L-Arċisqof Scicluna

L-Arċidjoċesi ta’ Malta ssejjaħ għal jum ta’ talb u sawm

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-Arċidjoċesi ta’ Malta qiegħda torganizza jum ta’ talb u sawm għal dawk kollha li qegħdin ibatu minħabba l-instabbiltà politika li jinsab fiha l-poplu Afgan. Il-Papa Franġisku stess appella għat-talb u s-sawm għall-Afganistan kif ukoll għad-djalogu u s-solidarjetà li joffru tama għall-futur ta’ dan il-pajjiż. 

L-Ariċisqof ta’ Malta, Charles Jude Scicluna, qal lil dan is-sit li, “wara l-appell ħerqan tal-Papa Franġisku, bħala Nsara Maltin llum ningħaqdu fit-talb mal-persuni kollha fl-Afganistan li għaddejjin minn żmien diffiċli. Nitolbu lill-Mulej biex f’dan il-pajjiż tirbaħ il-paċi permezz tad-djalogu u s-solidarjetà fir-rispett sħiħ tad-dinjità ta’ kull bniedem, fil-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, fit-twettiq tal-ugwaljanza u fil-libertà tal-espressjoni”.

Fl-aħħar 20 sena l-forzi Amerikani kienu fl-Afganistan u dan il-poplu kien protett mill-militanti Iżlamiċi li kienu ħbew lil Osama bin Laden, is-suspettat ewlieni li organizza l-attakki terroristiċi fuq l-Istati Uniti tad-9/11. Sax-xahar li għadda, is-suldati kollha Amerikani rtiraw mill-pajjiż u għal darb’oħra, il-poplu tal-Afganistan spiċċa taħt it-tmexxija iebsa ferm tat-Taliban.

Ningħaqdu f’solidarjetà

Il-Papa Franġisku fil-jiem li għaddew ħareġ bi kritika ħarxa dwar l-involviment tal-pajjiżi tal-Punent fl-Afganistan kif ukoll sostna li l-irtirar tat-truppi Amerikani mill-pajjiż, li issa huwa f’idejn militanti Talibani, kien wieħed “kaotiku u ma ġew ikkonsidrati l-eventwalitajiet kollha”.

Illum il-Ħamis 16 ta’ Settembru, lokalment se jkun organizzat dan il-jum ta’ talb mill-kappella tal-Junior College, l-Imsida, li se jixxandar online fuq Knisja.mt u se jinkludi l-quddiesa ta’ kuljum immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna fid-9.30 ta’ filgħodu fuq TVM2. 

L-Insara huma mħeġġa jingħaqdu fit-talb personali u s-sawm, kif ukoll li jsegwu x-xandira li se tkun animata minn gruppi ta’ żgħażagħ, mill-istudenti fl-iskejjel u mill-parroċċi u l-għaqdiet Insara. Dan il-jum ta’ talb jibda fit-8 ta’ filgħodu u jintemm fit-8 ta’ filgħaxija. 

Il-Millenium Chapel f’San Ġiljan illum huwa miftuħ għal dawk kollha li jixtiequ jagħmlu mument ta’ adorazzjoni quddiem is-Sagrament. 

X’inhu jiġri fl-Afganistan…

It-Talibani min-naħa tagħhom kif raw li s-suldati Amerikani bdew ikunu rtirati lura lejn pajjiżhom, bil-forza, ħadu l-kontroll tal-Afganistan. Għalkemm dawn wegħdu li t-tmexxija l-ġdida mhiex se tkun “tirrannika”, minn rapporti fuq il-midja u intervisti, qiegħed joħroġ fiċ-ċar li s-sitwazzjoni fl-Afgnaistan hija kritika. Il-persuni vulnerabbli u n-nisa b’mod speċjali, diġà jinsabu f’jasar b’nuqqas ta’ drittijiet u anke vjolenza jekk ma jobdux. 

Mijiet ta’ eluf ta’ nisa Afgani, tfal u rġiel jingħad li huma taħt opressjoni brutali fejn għal uħud minnhom din tista’ twassal għall-mewt. Fost tgħajjir, swat u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-poplu Afgan għandu futur inċert ħafna hekk kif it-Talibani tħallew jagħmlu li jridu mingħajr intervent politiku-militari mill-pajjiżi l-kbar.

Minħabba din is-sitwazzjoni huwa mistenni li jkollna kriżi umanitarja serja f’dan il-pajjiż li jinkludu ġuħ b’mod speċjali għal tfal taħt il-ħames snin u immigrazzjoni perikoluża llegali ta’ eluf ta’ Afgani ddisprati li qegħdin jippruvaw jaħarbu minn art twelidhom.

Appell għal donazzjonijiet ta’ flus għal għajnuna tant meħtieġa

Il-Knisja f’Malta, permezz ta’ Caritas Malta qiegħda tappella wkoll għall-ġbir ta’ donazzjonijiet li se jmorru biex tingħata l-għajnuna tant meħtieġa lill-persuni tal-Afganistan. Permezz ta’ Caritas Internationalis se tingħata l-għajnuna tant meħtieġa lill-persuni tal-Afganistan kif ukoll lil dawk tal-Ħaiti li ntlaqtu minn terremot qawwi.

Min jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jibgħat ċekk pagabbli lill-Fondazzjoni Caritas Malta – Emergency Aid Fund, indirizzat: Caritas Community Centre, Emergency Aid Commission, Triq Mountbatten, il-Ħamrun, ĦMR 1577. 

Id-donazzjonijiet ta’ flus jistgħu jitwasslu personalment fil-Caritas Community Centre, Triq Mountbatten, il-Ħamrun jew jingħataw ukoll lill-kappillani fil-parroċċi biex jgħadduhom lil Caritas Malta. 

Jistgħu jiġu depożitati wkoll donazzjonijiet ta’ flus f’dawn il-kontijiet bankarji: 

HSBC: MT22MMEB44897000000089021513051 

BOV: MT78VALL22013000000040023270071 

APS: MT31APSB77046000489010489011015 

Ekonomija

Sport