Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċikliżmu?
In-namra tiegħi għar-rota bdiet fi żmien il-pandemija tal-Covid-19. Kif jaf kulħadd, f’dak iż-żmien konna lkoll magħluqin ġewwa, u r-rota saret mezz biex noħroġ mid-dar, iżżommni attiv u nqatta’ iktar ħin mal-familja – ma’ ibni, ħija u kuġinuwi.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Fil-jiem li għaddew organizzajt attivitá relatata maċ-ċikliżmu barra minn xtutna b’għan nobbli. Agħtina iktar dettalji.
Din ma kinitx l-ewwel attività filantropika li organizzajt, u lanqas l-ewwel sfida fuq dawn id-distanzi. Fil-fatt, l-istess sfida kont għamiltha sena ilu f’Novembru, imma fi żmien ta’ ħames ijiem. Din id-darba ridt nagħmilha għal għan nobbli – biex ngħin lil ‘Hospice Malta’, li għal raġuni personali huma tassew qrib qalbi.
L-isfida oriġinali kienet bl-għan li titlesta f’erbat ijiem, imma permezz tal-appoġġ ta’ dawk ta’ madwari, u għax kont ippreparat sewwa, irnexxieli nlestiha f’65 siegħa biss. Naturalment, għamilt l-almu kollu tiegħi biex nasal fl-inqas ħin possibbli, imma l-iskop ewlieni kien li niġbor fondi għal Hospice Malta, li jagħmlu xogħol kbir fis-skiet ma’ persuni li jbatu minn mard terminali u mal-familji tagħhom.
Dan kollu għandu tifsira personali għalija għax għaddejt minn din l-esperjenza flimkien mal-familja tiegħi 14-il sena ilu, meta l-għażiż missieri ħalliena minħabba l-kanċer.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Jien nipprattika dan l-isport b’delizzju u nittrenja ma’ ‘Team Fabio’, li kulħadd jaf bħala wieħed mill-aqwa ultra-atleti fil-pajjiż. Mingħajr ma ninduna, il-passjoni tiegħi għal dan l-isport kompliet tikber. Din kienet ir-raba’ attività twila li għamilt, u kull darba li ninsab fi sfida bħal din, inħoss li mhux biss qed isseħħ il-passjoni tiegħi, imma wkoll qed nagħti l-kontribut tiegħi għal xi kawża ġusta.
Kif tqis il-livell taċ-ċikliżmu f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell taċ-ċikliżmu f’Malta hu wieħed tassew tajjeb. Għandna ġenerazzjoni ġdida b’saħħitha u b’potenzjal kbir, kif rajna dal-aħħar diversi atleti jagħtu ġieħ lill-pajjiżna f’diversi dixxiplini.
Sfortunatament, inħoss li f’Malta qed issir ftit wisq għal dan l-isport. Ngħidu hekk għax kelli l-esperjenza niċċikla f’diversi pajjiżi barra minn xtutna, u r-rispett kif ukoll il-faċilitajiet li ssib hemm huma ferm differenti minn dak li nsibu Malta. Ħafna ċiklisti Maltin jipprattikaw dan l-isport b’riskju kbir lejn ħajjithom, peress li sfortunatament f’pajjiżna nieqes l-edukazzjoni u r-rispett lejn iċ-ċiklist min-naħa tas-sewwieqa. B’aktar edukazzjoni u kuxjenza, ikun hawn aktar rispett lejn iċ-ċiklisti meta nkunu fit-triq nipprattikaw l-isport li tant inħobbu.
Nemmen ukoll li f’Malta għandna bżonn Village Sportiv. Irridu niftakru li kull min jipprattika kwalunkwe sport mhux biss jonfoq flus kbar fuq id-delizju tiegħu, imma fl-istess ħin iżomm lilu nnifsu aktar attiv u b’saħħtu – u dan għandu jkun ta’ valur għal kulħadd
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fiċ-ċikliżmu?
Barra li nitharreġ u nipprattika ċ-ċikliżmu, illum qed nitharreġ ukoll f’żewġ dixxiplini oħra: il-għawm u l-giri. L-għan finali huwa li matul is-sena d-dieħla nieħu sehem fl-‘Iron Man’.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika ċ-ċikliżmu.
Bis-saħħa tal-isport li nipprattika, inħossni ħafna aktar b’saħħti fiżikament u mentalment, kemm fil-ħajja personali kif ukoll dik professjonali. Nemmen li meta bniedem jitharreġ f’kwalunkwe sport, inaqqas kemm il-mard fiżiku kif ukoll dak psikoloġiku, speċjalment f’ħajja mgħaġġla u stressanti bħal dik tal- lum.
Ninkoraġġixxi bis-sħiħ lil kulħadd, ta’ kull età, biex jibda jipprattika xi tip ta’ sport – qatt mhu tard biex tibda! Kif jgħidu bil-Latin – ‘Mens sana in corpore sano!’