“Ninkwetaw bħala entità u bħala ċittadini”. Hekk iddikjara il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, meta mistoqsi minn IT-TORĊA dwar jekk bħala FSWS jinkwetawx dwar il-fatt li għandna sitwazzjoni fejn persuni li wettqu reati li xxukkjaw lil kulħadd qegħdin jiġru barra?
Il-Kap Eżekuttiv Alfred Grixti iddikjara li “mhux bħala entità biss, imma bħala ċittadin, jinkwetani ħafna kull każ fejn l-awturi ta’ reat jinħelsu mhux fuq is-sustanza tal-provi imma fuq teknikalitajiet legali. Għaldaqstant, nemmen li rridu nitkellmu mhux biss fuq kif se jitnaqqas id-dewmien tal-proċeduri, l-ewwel u qabel kollox f’każijiet ta’ stupru, imma wkoll fuq li jistgħu isiru dawn it-tipi ta’ arranġamenti bħal ma sar f’dan il-każ partikolari u qisu xejn mhu xejn.
Jiġifieri lil hinn mir-reat fih innifsu u d-dewmien irridu nirriflettu fuq il-messaġġ ħażin li bagħat dan il-każ fis-sens li min għandu s-saħħa tal-flus jista’ jiżgiċċa mill-ġustizzja billi jixtri s-silenzju.
Dan ikompli jinkwetani aktar meta naf li hemm persuni li wettqu reat gravi fuq minorenni, u ma ħadu l-ebda konsegwenza, u jista’ jkun li komplew b’dan l-abbuż fuq tfal oħra u ħadd ma jaf xejn!”.

