Friday, January 31, 2025

Ninsab determinat u niddedika l-ħin biex ngħolli i-livell personali – Jean Claude Annati (Kalkara)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn ta’ etá żgħira kont nuri l-interess tiegħi lejn il-futbol u bl-għajnuna u l-kuraġġ li sibt mingħand il-ġenituri tiegħi iktar tfajt moħħni hemm. Missieri wkoll kien jilgħab u jsegwi l-futbol, u b’hekk mingħajr ma trid l-interess dejjem jiżdied. 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Kalkara United.

L-esperjenza tiegħi mal-Kalkara kienet waħda pożittiva sa mil-ewwel gurnata ta’ taħriġ. Il-plejers, kowċis, kumitat u membri tal-klabb kienu ta’ sapport sħiħ u llum il-ġurnata tista’ tgħid li sirna qisna familja. 

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Minn meta ngħaqadt mal-Kalkara mill-bidu tal-istaġun sa issa, ħdimna ħafna biex kemm jista’ jkun niksbu riżultati pożittivi u nilagħbu logħob li jixraq lit-tim tal-Kalkara. 

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragward tal-klabb hu li niksbu post mal-ewwel erbgħa, biex b’hekk inkunu nistgħu nilagħbu l-play-offs u jkollna ċ-ċans li niksbu l-promozjoni għall-Ameteur League 1.

Kif tqis il-livell tan-National Amateur League 2?

Minkejja li l-Amateur League 2 huwa l-iktar diviżjoni baxxa fil-kampjonati Maltin nista’ ngħid li għola l-livell minn meta lgħabt l-aħħar fl-istess diviżjoni lura fl-2017. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?

Naħseb li bħala grawnds fejn jintlagħab il-kampjonat ukoll għola l-livell minn dak iż-żmien ;l hawn għaliex kien hemm xi grawnds li sarulhom manutenzjoni, peró, nemmen li hemm ħafna affarijiet x’isiru għall-ġid tal-futbol Malti.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Sakemm tagħtini saħħti, ninsab determinat li nibqa’ nilgħab il-futbol u niddedika kemm nista’ ħin biex ngħolli i-livell personalment. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol, kif ukoll ieħor lill-partitarji kollha ta’ Kalkara United.

Il-futbol huwa sport sabiħ li bih tikber mentalment u fiżikament. Apparti li huwa sabiħ li tilgħab il-logħba hemm ukoll is-sodisfazzjon li ġġib magħha. Titgħallem ukoll tkun dixxiplinat u indipendenti, u b’hekk nagħmel kuraġġ speċjalment lill-plejers ta’ etá żgħira lil min hu interessat fil-futbol jaħdem biex fl-aħħar mil-aħħar jasal fejn jixtieq. 

Minn hawn nixtieq inħeġġeġ bis-sħiħ lill-partitarji kollha ta’ Kalkara United biex jitilgħu l-grawnd u hemmhekk jissapportjaw lit-tim biex b’hekk jagħtuna l-kuraġġ kollu biex inkomplu nibnu fuq li diġá bnejna u fl-aħħar mill-aħħar jirnexxielna nilħqu t-tragwardi tagħna għal dan l-istaġun! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport