Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Jien trabbejt f’familja fejn il-futbol huwa maħbub ħafna, hekk kif missieri hu kowċ u kelli n-nannu u z-ziju tiegħi plejers li lagħbu fl-ogħla diviżjonijiet tal-futbol Malti. Minn ta’ etá żgħira missieri kien jeħodni l-grawnd miegħu u bdejt nilgħab il-futbol sa minn meta kelli erba’ snin. Minn dak iż-żmien ‘l hawn qatt ma ħarist lura u l-entużjażmu tiegħi lejn dan l-isport kompla jikber. Il-futbol rawwem fija ċerta dixxiplina u perseveranza tant li nista’ ngħid li kelli wkoll l-unur li nirrapreżenta lit-tim nazzjonali Malti f’livelli tal-youths, kif ukoll kelli esperjenza mat-tim ta’ Hibernians FC.
U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?
Minn ta’ etá żgħira, il-pożizzjoni ta’ goalkeeper dejjem affaxxinatni. Hekk kif kont insegwi goalkeepers ta’ livell għoli bħal Petr Cech u Manuel Neuer kienu jispirawni li xi darba nilħaq il-livell tagħhom. Ir-rwol ta’ goalkeeper huwa kruċjali ħafna li jirrikjedi responsabbiltá u awtoritá u li fl-istess ħin tkun kapaċi taqra l-logħba u tantiċipa l-ħsibijiet tal-avversarju.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Sirens FC?
Ninsab eċċitat u motivat ħafna ghal din l-esperjenza ġdida tiegħi ma’ Sirens FC. L-għan tieghi huwa li bħala tim nilħqu l-objettivi tagħna għal dan l-istaġun u apparti minn hekk inkompli ntejjeb l-abbilitajiet tiegħi fil-futbol.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Qed inħarsu lejn dan l-istaġun b’mod verament pożittiv. Qepd nipreparaw lilna nfusna tajjeb ħafna ħalli nkunu lesti għal dak li se naffaċċjaw fiċ-Challenge League u nispiċċaw fost l-aqwa timijiet. Nemmen li għandna skwadra kompetittiva li lesta biex tikkompeti u għandna atmosfera ta’ għaqda li nemmen li se tkompli ssaħħaħ lill- iskwadra tagħna.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Steve D’Amato?
Il-kowċ Steve D’Amato huwa kowċ ta’ esperjenza kbira fil-futbol Malti u għandna ħafna x’nistgħu nitgħallmu mingħandu. Huwa kowċ bravu li qed imexxina bħala tim biex inkunu fl-aqwa forma tagħna. Għandu attitudni pożittiva li tgħinna ħafna lilna l-plejers mentalment u jżommna motivati.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Fgura United FC, u kemm tgħallimt minnha?
Ma’ Fgura United FC sibt ambjent sabiħ ħafna li kont nistħajlu qisu familja u ħloqt ħbiberiji u ġibt rispett mingħand ħafna nies li jagħmlu ħafna xogħol għall-klabb tal-Fgura. Huwa klabb fej il-futbol tiegħi tejjibtu minħabba l-livell tajjeb u t-taħriġ li kelli hemmhekk.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Iktar kemm qed jgħaddi żmien, il-futbol Malti qed itejjeb il-livell tiegħu iżda xorta waħda għadna daqsxejn lura meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra. Iż-żieda tal-plejers barranin tejbet xi ftit il-livell tal-futbol Malti imma nemmen li hemm bżonn nemmnu iktar fit-talent Malti. Huwa ta’ importanza li noħolqu aktar opportunitajiet barra minn xtutna biex il-plejers Maltin ikomplu jtejbu l-livell u l-iżvilupp tagħhom. Apparti minn hekk inkomplu ninvestu f’kowċis ta’ livell tajjeb ukoll li huma kapaċi jkunu ta’ pedament sod lill-ġenerazzjoni li tiela’.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Mill-grawnd tas-Sirens m’għandix xi ngerger għaliex għandna grawnd li m’ilux li sar u jinżamm f’kundizzjoni tajba. Bħala grawnds li nilagħbu l-kampjonat tagħna fihom nista’ ngħid li tjiebu wkoll hekk kif kemm fis-Centenary Stadium u anke fil-Victor Tedesco Stadium, l-art biddluha u jidher li qed ikunu miżmuma fi stat tajjeb. Huwa importanti li jieħdu ħsieb il-manutenzjonijiet ta’ dawn il-pitches ħalli jonqsu l-injuries.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
L-objettiv tiegħi huwa li nkompli naħdem u nibqa’ motivat ħalli xi darba nilgħab fl-ogħla livell tal-futbol f’Malta.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Għal dawk li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol huwa importanti li dejjem jagħtu l-massimu tagħhom dejjem u juru passjoni għal-logħba. Iżda importanti li dejjem temmen fik innifsek, tibqa’ perseveranti, ma taqta’ qalbek qatt u żżomm lilek innifsek dedikat!