Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
Meta kont iżgħar dejjem kont inħobb l-isport. Ħija kien jilgħab il-futbol, u waqt li kont immur narah ma kontx nispara l-ballun b’saqajja imma kont inqabbdu. Kien hemm kowċ li qal lill-ġenituri tiegħi li għandi nipprova l-basketball, mort għal prova u qatt ma ħarist lura.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn ir-ritorn tiegħek ma’ Depiro Sports Club?
Ninsab eċċitata ħafna li rritornajt ma’ Depiro Sports Club. L-aħħar żewġ staġuni kienu ta’ suċċess għalihom, iżda xorta ma rnexxilhomx jirbħu ċerti Tazzi. L-għan tiegħi hu li nipprova nirbaħ kemm jista’ jkun logħbiet u Tazzi u ngħin bis-sħiħ biex nimmotiva lill-ġenerazzjonijiet iżgħar biex jagħmlu l-istess.
Iddeskrivi l-esperjenzi riċenti ta’ suċċess li kellek barra minn xtutna.
Li nilgħab barra minn Malta dejjem kienet esperjenza sabiħa għalija. Fl-aħħar għaxar snin lgħabt aktar barra minn Malta milli f’Malta, u ma jiddispjaċinix. L-istaġun li għadda lgħabt fi Spanja, sfortunatament iffaċċjajt xi problemi u injuries bħala riżultat ta’ ħafna affarijiet. Madankollu lejn tmiem l-istaġun kont parti ewlenija fil-logħob biex it-tim jiġi promoss għal LF2 u kont kburija ħafna bis-suċċess tagħna.
Int ukoll it-team manager tat-tim nazzjonali tan-nIsa tal-waterpolo ta’ taħt it-18-il sena, fejn riċentement ksibtu suċċess partikolari fil-Kampjonati Ewropej li saru proprju f’pajjiżna. Agħtina iktar dettalji.
Meta ġejt mitluba għall-ewwel darba biex inkun it-team manager għat-tim tan-nisa ta’ taħt it-18-il sena, kien unur inizjali. Kull min jafni jaf li nħobb naqsam l-interess tiegħi fl-isports maż-żgħażagħ. Jiena dilettanta tal-isport enerġetiku u dejjem naqbel ma’ kwalunkwe ftehim sabiex ngħin lin-nisa fl-isport. Barra minn hekk, kien sabiħ li nara l-ġenerazzjoni li jmiss tiġġieled u taħdem lejn l-istess għan. Kien ta’ ispirazzjoni anke għalija. Nittama li nkompli naħdem magħhom fil-futur.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent, u kemm hu differenti minn dak li mmilitajt fih barra minn xtutna?
Sfortunatament, il-livell tal-basketball li għandna f’Malta meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra mhuwiex l-aqwa. Ninsab kuntenta li nara żewġ timijiet oħra ngħaqdu għat-tieni sena konsekuttiva, u b’hekk jagħmlu total ta’ sitt timijiet għal-kampjonat tan-nisa. Id-differenza ewlenija li nara hija li ħafna timijiet f’Malta jitħarrġu tliet/erba’ darbiet fil-ġimgħa, is-sena l-oħra kont nitħarreġ tmien/disa’ darbiet fil-ġimgħa inkluż gym, taħriġ individwali u mbagħad prattika tat-tim. Lanqas biss ma nista’ ngħid li Malta hija meqjusa bħala kampjonat semi-professjonali għan-nisa. Kull tim huwa permess li jkollu plejer barrani wieħed li jkun il-professjonist tat-tim. Trabbejna f’ambjent fejn l-isport huwa biss passatemp, u mingħajr ebda pjan biex inkabbru l-isport jew niksbu aktar exposure … se nitilfu l-battalja qabel ma nippruvaw.
U dak tar-riżorsi (courts) fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Il-court uffiċjali tal-logħob f’Ta Qali huwa fil-fatt sabiħ ħafna. Wara r-rinnovazzjoni li saret ftit snin ilu huwa tajjeb ħafna. Il-courts tat-taħriġ huma wkoll f’kundizzjoni tajba, iżda neħtieġu aktar. Jekk ikollna aktar infrastruttura, aktar timijiet ikunu jistgħu jibbukkjaw aktar ħin fil-qorti, u b’hekk iwassal għal aktar taħriġ u spazju fil-court. Huwa proċess twil ħafna li jieħu ż-żmien, iżda rridu nibdew naraw x’se nagħmlu sabiex intejbu l-isport u niksbu aktar exposure.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-basketball?
Fl-istaġun li ġej se jkolli nagħmel għażla li jew nistabbilixxi ruħi u nibqa’ nilgħab f’Malta għall-ħames snin li ġejjin u nipprova ngħin l-isport jikber billi nagħmel dak kollu li nista’, jew inkella nkompli nilgħab barra minn Malta. Il-futur tiegħi bħala plejer huwa dejjem xi ħaġa li rrid nipprijoritizza, iżda meta nkun f’Malta xorta nimbotta lili nnifsi biex nitħarreġ kemm nista’ sabiex inkun l-aħjar verżjoni tiegħi nnifsi fil-court.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.
Il-basketball huwa sport ta’ tim fejn mhux biss tagħmel ħbieb imma familja, is-sentimenti li tieħu kemm fuq il-grawnd kif ukoll barra minnu huma mill-isbaħ. Barra minn hekk, jgħallmek dixxiplina, xogħol iebes u kif taħdem għal dak li trid. Ibqa’ motivat u pprova dejjem!