Tuesday, June 17, 2025

Ninsab eċċitata ħafna u onorata li se nkun qed nirrappreżenta lil Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar – Jemima Farley

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Kont ipprattikajt ftit atletika l-iskola imma l-aktar li kont ġinnasta sa ma mort l-Università. Kont inħobb immur niġri ma’ missieri u fl-Università kont inħobb ħafna mmur immure fuq xi bajja bir-ramel għall-gost.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek s’issa?

Naħseb li l-akbar suċċess tiegħi kien fid-distanza tal-Maratona. Irbaħt il-Maratoni ta’ Edinburgh u ta’ Loch Ness fl-Iskozja, il-Maratona ta’ Richmond f’Londra, il-Maratona ta’ Pisa fl-Italja u l-Maratona ta’ Malta f’numru ta’ okkażjonijiet.

Fil-jiem li għaddew, ipparteċipajt fil-Maratona ta’ Malta. Agħtina aktar dettalji.

Din kienet it-tielet darba li għamilt il-Maratona ta’ Malta din is-sena. Stramba għax qabel ġejt ngħix Malta ma kelli l-ebda xewqa li niġri l-istess maratona darbtejn imma għal xi raġuni nibqa’ niġi lura għal din. Naħseb għax għadni qatt ma rnexxieli niġriha bil-mod li nixtieq u dan tassew ifixkilni. Għalhekk ser ikolli nagħmilha mill-ġdid is-sena d-dieħla.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-komunità tal-ġiri f’Malta hija tal-għaġeb u jidher ċar li l-livell tal-atletika qed jitjieb sena wara l-oħra bir-rekords nazzjonali regolarment jinkisru, partikolarment fil-livell taż-żgħar.

U xi tgħidli għar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Jien nitħarreġ f’San Alwiġi u r-riżorsi hemmhekk huma meraviljużi.

Kif qed tħares lejn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra?

Ninsab eċċitata ħafna u onorata li se nkun qed nirrappreżenta lil Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, din is-sena.

Inħobb il-muntanji u l-idea li niġri madwar korsa f’Andorra bil-muntanji madwari naf li se tipprovdi l-aktar ispirazzjoni tal-għaġeb għalija.

Ninsab ħerqana li nagħmel kollox u nagħti l-isforz massimu tiegħi bl-aħjar mod li nista’!

U lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Nittama li nista’ nibqa’ nimbotta ruħi għal żminijiet aħjar. Nemmen li nista’ nikseb ħin aħjar fil-Maratona u din hija mira kbira għalija għal din is-sena. Forsi anke nipprova tellieqa fuq it-trakka.

Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Ħu ħsieb ġismek u dejjem saħħaħ it-taħriġ tiegħek kif suppost!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport