Friday, June 13, 2025

‘Ninsab entużjast u ambizzjuż ħafna biex nilħaq il-miri mixtieqa minn Mellieħa SC’ – Vesko Petrovic

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Peressli aħna bħala familja konna ngħixu qrib ħafna tal-grawnd tal-futbol, ​​kien naturali li nqatta’ l-biċċa l-kbira tal-ħin liberu tiegħi ma’ ħbieb nilgħab il-futbol. Imbagħad, fl-età ta’ 10 snin, ingħaqadt man-Nursery tal-belt twelidi u minn dakinhar qatt ma ħarist lura.

Ħa mmur dritt għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza l-ġdida tiegħek bħala kowċ ta’ Mellieħa SC?

L-ewwel darba li Mellieħa SC kienu avviċinawni kien proprju 15-il sena ilu u kważi kull sena kienu f’kuntatt u f’diskussjonijiet miegħi biex ningħaqad magħhom. Din is-sena tidher li hija s-sena meta ż-żewġ partijiet għandhom l-istess interess u miri x’jilħqu.

Ovvjament jien entużjast u ambizzjuż ħafna biex nilħaq dawn il-miri; ilu żmien biex Mellieħa SC jiġu promossi f’diviżjoni ogħla u nittama li bl-għajnuna u x-xogħol tal-amministrazzjoni, il-kowċ u l-plejers kollha jirnexxielna niksbu riżultati tajbin.

Ħa mmorru lura fiż-żmien. Kif ġejt Malta fis-snin li għaddew?

Minn mindu kelli 18-il sena kont plejer tal-futbol professjonali u f’Awwissu tal-1993, ġejt mistieden ningħaqad ma’ Rabat Ajax FC, permezz ta’ Joe Cachia, li dak iż-żmien kien il-president ta’ St Patricks FC, li għamel l-arranġamenti kollha biex niffirma għal dan il-klabb.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala plejer.

L-ewwel kuntratt professjonali li ffirmajt kien fl-età ta’ 18-il sena ma’ Bokelj minn Kotor, Montenegro (l-ex-Jugoslavja); Wara dan ġejt imsejjaħ biex ningħaqad ma’ Velez Mostar u ġie ffirmat ftehim preliminari iżda sfortunatament is-sitwazzjoni politika fil-pajjiż inbidlet u kelli nibdel il-pjanijiet. Sadanittant irċevejt l-istedina biex ningħaqad ma’ Rabat Ajax f’Malta; wara dan lgħabt għal St Patricks FC, Valletta FC u wkoll Dingli Swallows; lgħabt ukoll sena ma’ Xaghra United FC f’Gozo, imbagħad temmejt il-karriera tiegħi bħala plejer tal-futbol għall-aħħar 4 snin ma’ Rabat Ajax FC.

U l-esperjenza passata tiegħek bħala kowċ ta’ Rabat Ajax FC.

L-erba’ staġuni tiegħi bħala kowċ ta’ Rabat Ajax FC kienu esperjenza sabiħa anke għax dan il-Klabb kien għal qalbi minn mindu kont plejer tal-futbol. Fi staġun partikolari u diffiċli ħafna, meta l-pandemija laqtet lil Malta rnexxielna niġu Promossi għall-Ewwel Diviżjoni.

Kemm hu differenti r-rwol ta’ kowċ minn dak ta’ plejer?

Irrid ngħid li ż-żewġ rwoli huma differenti ħafna. Mhux kull plejer jista’ jidħol fiż-żarbun ta’ kowċ u mhux kull kowċ jista’ jilgħab ir-rwol tal-plejer. Bħala plejer, l-uniku fokus tiegħek fik innifsek, filwaqt li li tkun kowċ ifisser li tkun taf il-grupp tiegħek bħala tim iżda wkoll individwalment.

Kif tqis il-livell attwali tal-futbol Malti, u kif rajtu jinbidel matul is-snin?

Jekk ikolli nqabbel iż-żmien meta ġejt hawn, 33 sena ilu, mal-lum hemm differenza; imma ngħid li dan jirrifletti aktar fuq il-faċilitajiet milli fuq il-kwalità tal-logħba. Illum il-ġurnata l-faċilitajiet huma ferm aħjar imma sfortunatament mhux qed nara ħafna plejers żgħażagħ javvanzaw u jimmiraw li jilħqu t-Tim Nazzjonali, li għandu jkun l-għan ta’ kull plejer. Ovvjament il-fatt li l-Klabbs kollha għandhom il-possibbiltà li jiffirmaw plejers barranin, u mhux tnejn jew tlieta kif ġara meta ġejt Malta, mhux qed jgħin lill-plejers żgħażagħ Maltin biex iżommu l-ambizzjoni tagħhom u jilħqu miri ogħla.

U xi ngħidu dwar ir-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?

Kif semmejt qabel, il-faċilitajiet u l-istadji avvanzaw anke jekk sfortunatament hemm Klabbs kbar li għadhom m’għandhomx il-grawnd tagħhom stess fejn jitħarrġu. Ukoll ħafna mill-klabbs li għandhom il-faċilitajiet tajbin, jaqsmu l-grawnd man-Nurseries tagħhom u dan bilkemm jagħti ċans lit-tim Anzjan li jitħarreġ fuq grawnd mimli. L-għażla tal-grawnds għal-logħob Kompetittiv hija wkoll limitata u l-kwalità tal-grawnds użati għall-kompetizzjoni tal-Premier League għal-kampjonati aktar baxxi, hija differenti ħafna.

Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Bħal kull karriera, fil-futbol wieħed irid ikollu impenn, sagrifiċċju u dixxiplina. Nemmen li dawn flimkien mal-ambizzjoni huma l-ingredjenti ewlenin għas-suċċess!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport