Friday, May 16, 2025

Ninsab ferm eċċitata u onorata li se nirrappreżenta lil Malta għat-tieni darba fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar – Nirvana Micallef

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-għawm?

Kif bdejt ngħum, bdejt inħobb l-għawm aktar u aktar ma għadda ż-żmien. Din il-konnessjoni mal-isport kompliet tikber u tagħtini l-motivazzjoni biex nitħarreġ bis-sħiħ.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħi sa issa?

Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2023, li saru proprju f’Malta, kienu l-ewwel kompetizzjoni ewlenija tiegħi. Mhux biss nikkunsidra l-parteċipazzjoni tiegħi fiha nnifisha bħala suċċess u pass importanti fil-karriera tiegħi fl-għawm, iżda rċevejt ukoll midalja tal-bronż bħala parti mit-tim tar-relay.

Kif tqis il-livell tal-għawm tal-pajjiż fil-preżent?

Onestament, nemmen li aħna l-għawwiema rridu nistinkaw għal ħafna aħjar. Li nkunu l-ewwel fil-pajjiż huwa insinifikanti meta mqabbel max-xena globali. Għalkemm nistgħu nkunu ‘l bogħod bħalissa, b’xogħol iebes u fokus konsistenti, xejn ma qed iżommna milli niksru l-konfini tagħna.

U dak tar riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali taghkom?

Il-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq u SportMalta matul is-snin tawna faċilitajiet mill-aqwa fejn nistgħu nitħarrġu kuljum. Huma jkomplu jistinkaw għall-aħjar kuljum u jien grat ħafna għall-opportunitajiet li tawna biex nitħarrġu. speċjalment wara li kelli ftit ħin nuża faċilitajiet ta’ taħriġ differenti għal diversi raġunijiet, napprezza aktar il-konvenjenza li jkolli faċilitajiet bħal dawn

Kif qed tħares lejn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra?

Bħala l-ewwel kompetizzjoni tiegħi ta’ ċerta importanza, ninsab ħerqana li se nkun qed nesperjenza xi ħaġa ġdida. Ninsab ferm eċitata u onorata li se nirrappreżenta lil Malta għat-tieni darba fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

U lejn il-futur tiegħek fl-għawm?

Għalkemm għaddejt minn ħafna tlugħ u nżul fil-karriera tiegħi sa issa, inħoss li għandi triq twila ħafna xi nagħmel. Għalkemm għad iridu jiġu ħafna sfidi, se nibqa’ nimbotta lejn l-għanijiet tiegħi, ġewwa u barra mill-ilma.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-għawm.

Is-suċċess mhux biss dwar it-taħriġ iebes, iżda dwar il-fokus. Din tista’ tkun l-aktar ħaġa diffiċli biex tagħmel, u huwa għalhekk li ftit biss jaslu sal-quċċata. Ħu l-isfidi bħala opportunitajiet biex tikber, aktar milli bħala ostakli, u tkun sorpriż b’dak li għandek tikseb!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport