Monday, September 29, 2025

‘Ninsab ferm kburi u privileġġjat biex nibda din l-avventura ġdida mal-iktar klabb glorjuż fl-istorja tal-waterpolo Malti’ – Sebastian Busuttil

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Meta kont żgħir, il-maġġor parti tal-ġranet fis-sajf tiegħi kienu jidhru kollha l-istess – il-minuta li jitla’ x-xemx sa meta tinżel, kont inqatta’ l-ħin in-Neptunes. Kont inqum kmieni, niekol xi ħaġa malajr, u mmur hemmhekk ma’ ħija u sħabi. Kuljum kien jinbidel bejn taħriġ, logħob u sempliċement nieħdu gost fl-ilma, mingħajr ma noqgħodu naħsbu fuq xejn aktar. 

Meta bdejt nitħarreġ, indunajt kemm il-waterpolo hu tabilħaqq sport eċċitanti u fiżikament impenjattiv. Għoġobni ħafna għax mhux biss huwa logħba ta’ tattika u saħħa, imma wkoll joffri sens ta’ tim u ħbiberija li vera napprezza. Minn hemm ‘il quddiem, bqajt naħdem biex intejjeb il-ħiliet tiegħi u nagħmel l-aħjar li nista’ f’dan l-isport.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Sliema ASC?

Ninsab ferm kburi u privileġġjat biex nibda din l-avventura ġdida mal-iktar klabb glorjuż fl-istorja tal-waterpolo Malti. Sliema ASC huwa l-iktar klabb li joffri l-aħjar kundizzjonijiet sabiex niġġieled għal kemm jista’ jkun unuri, u anke niġġieled għal posti mat-Tim Nazzjonali Malti, kif ukoll nikber bħala plejer u anke bħala atleta. Mas-Sliema ser nifforma parti minn grupp ta plejers u kowċis ta’ kalibru għoli u ħerqana biex jirbħu. Apparti dan kollu eċċitat biex nerġa’ ningħaqad ma’ ħija l-kbir, Benji. Bħalissa qiegħed vera motivat biex nibda mat tim u nirritorna l-fiduċja li l-klabb wera fija u biex nilgħab quddiem il-partitarji leali tas-Sliema!

X’tikkummenta fuq l-esperjenza issa passata tiegħek ma’ Valletta United, fejn int kont ukoll il-captain tat-tim?

Nixtieq nibda billi ngħid grazzi kbira lil kull min ħdimt miegħu ma’ Valletta WPC , speċjalment lill-Kowċ tiegħi Joe Cremona tal-fiduċja li tani biex immexxi t-tim bħala Captain matul din l-aħħar sena. Kienet esperjenza importanti, fejn kbirt, tgħallimt ħafna u fuq kollox, għamilt parti minn grupp ta’ nies li kont inqishom bħala familja kbira. Peró, issa ħassejt li kien hemm bżonn bidla fil-karriera tiegħi – u għalhekk jien ninsab fiduċjuz ħafna li ningħaqad ma klabb li jiġġieled għall-unuri, bħal Sliema – se jkun kruċjali biex nagħmel il-qabża li hemm bżonn fil-karriera tiegħi.

Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?

Il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent qed juri progress konsiderevoli. Għalkemm Malta m’għandiex l-istess riżorsi tal-pajjiżi kbar, l-impenn u l-passjoni tal-komunità sportiva Maltija jagħmlu differenza kbira, u dan huwa rifless f’kompetizzjonijiet internazzjonali fejn il-plejers Maltin u t-tim nazzjonali Malti qed ikollhom prestazzjonijiet aħjar. 

It-timijiet kollha qed jagħmlu xogħol tajjeb ħafna biex itejbu l-livell tal-waterpolo. Hemm ħafna kowċes tajbin li qed jagħmlu xogħol eċċezzjonali biex il livell joghla. Il-kowċes għandhom esperjenza solida u huma impenjati li jgħinu lill-plejers jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jikbru bħala atleti. 

Grazzi lill-klabbs kollha li qed jagħmlu xogħol siewi biex itejbu l-livell tal-waterpolo Malti. Il-plejers qed igawdu minn taħriġ ta’ kwalità, u dan qed iwassal għal progress konsiderevoli fil-kompetizzjonijiet lokali u anke internazzjonali.

U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?

Ir-riżorsi li għandna llum għall-waterpolo f’Malta huma tajbin, speċjalment bil-pixxina l-ġdida f’Kottonera. Din il-pixxina żiedet ħafna l-opportunitajiet għall-plejers biex nittrenjaw iktar tas spis, kif ukoll ikollna iktar spazzju ghat tahrig. 

Madankollu, bħal kull sport ieħor, iktar riżorsi għandhom ikunu disponibbli biex jiġi żgurat li l-livell tal-waterpolo jiżviluppa.

Grazzi kbira lil SportMalta u lill-ASA  għal kull sforz u appoġġ li qed jagħtu biex itejbu l-livell tal-waterpolo f’Malta. Il-ħidma tagħhom għall-iżvilupp tal-infrastruttura, l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet, u l-appoġġ lil-klabbs hija essenzjali biex l-isport ikompli jikber.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

Lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-waterpolo, l-iktar ħaġa li għandek bżonn hija l-kuraġġ u l-imħabba għal-logħba. Il-vjaġġ tiegħek mhux se jkun faċli, imma jekk tibqa’ determinat, il-progress se jiġi.

Huwa importanti li ddawwar lilek innifsek ma’ nies li jemmnu fik – dawk li jagħtuk il-kuraġġ, il-motivazzjoni, u li jappoġġjawk anki f’ħinijiet diffiċli. 

Kull pass li tieħu, l-isfidi li ssib, u l-fallimenti – huma kollha opportunitajiet biex tikber. L-aktar ħaġa importanti hija li ma taqtqx qalbek, imma tibqa’ b’fiduċja li tista’ tirnexxi. Jekk temmen fik u tinvesti fil-ħidma tiegħek, m’hemmx limiti għal dak li tista’ tilħaq!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport