Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?
Qabel konna nilagħbu 5-a-side tax-xogħol bejnietna, imbagħad fl-2009 dħalna b’tim tax-xogħol fejn konna bdejna mir-Raba’ Diviżjoni. Dak iż-żmien il-futsal f’pajjiżna kien għadu jintlagħab barra. Il-Premier biss kien jintlagħab Kordin.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Fil-jiem li għaddew ħabbart fuq il-mezzi soċjali li wara tmien snin ta’ suċċess ma’ Luxol Futsal, kont se tħalli l-klabb. Agħtina iktar dettalji.
Hekk hu! Fil-fatt, wara tmien snin ma’ Luxol Futsal, ninsab grat għaż-żmien li qattajt ma’ dan il-klabb. Matul dan il-perjodu ksibna ħafna flimkien – seba’ kampjonati, żewġ knock-outs u sitt Super Cups – dawn huma mumenti li se jibqgħu f’moħħi. Nirringrazzja lil kull min għenni u appoġġjani tul dan il-vjaġġ. Issa nħares ’il quddiem lejn fażi ġdida, sfida ġdida, u opportunità oħra biex inkompli nikber bħala plejer. Grazzi Luxol – u naraw ’il quddiem!
X’taħseb li kien is-sigriet ewlieni għas-suċċess ta’ Luxol Futsal permezz tar-rebħ tal-kampjonat matul l-aħħar staġun?
Ir-rebħ tal-kampjonat hu l-qofol ta’ sena taħriġ u ħidma li kull plejer ikun jixtieq jieħu! Din ir-rebħa tfisser ħafna għalina. Mhux faċli tirbaħ kampjonat – aħseb u ara sebgħa infila! Turi l-konsistenza, ix-xogħol iebes u l-mentalità li għandu dan it-tim.
Jogħġbok il-format tal-kampjonat kif inhu fil-preżent?
Fil-preżent hawn nuqqas ta’ investiment f’dan l-isport. Jekk ikun hawn min jinvesti, nemmen li bħala format huwa tajjeb.
Agħtina d-dettalji dwar l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti.
Li tirrapreżenta lil pajjiżek hija l-aktar ħaġa li jkun jixtieq plejer. Huwa ta’ privileġġ tiegħi li qiegħed hemm u kelli l-opportunitá li nkun il-captain tat-tim ukoll. Minn hawnhekk, nixtieq nirringrazzja lill- kowċis tat-tim nazzjonali tal-fiduċja li dejjem urew fija.
Kemm hu importanti li l-futsal jibda jiġi milgħub ta’ eta’ żgħira ?
Il-futsal huwa importanti li tibdieh minn ta’ etá żgħira, għax fih ħafna ħiliet u trid taħseb u tieħu deċiżjonijiet ta’ malajr, peressli l-logħba hija iktar mgħaġġla.
Kif qed tarah il-futur tiegħek fil-futsal?
Nispera li nkompli għaddej u ma jkollix injuries! Nixtieq inkompli nilgħab sakemm inkun niflaħ!