Monday, June 30, 2025

‘Ninsab grat u onorat li rbaħt dawn iż-żewġ unuri … huma premju għad-dedikazzjoni li nuru lejn il-logħba tal-futsal’ – Collin Sammut

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?

L-imħabba tiegħi lejn il-futsal bdiet meta ġejt introdott għall-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena mal-klabb ta’ San Ġwann. Dak kien l-ewwel kuntatt tiegħi ma’ dan l-isport, u minnufih ħassejt li kien differenti ħafna mill-futbol tradizzjonali. Minn dak il-kampjonat, ġiet magħżula selezzjoni għan-nazzjonal ta’ taħt id-19-il sena, fejn konna introdotti għall-kampjonat nazzjonali tal-futsal f’Malta. Dik l-esperjenza fetħitli għajnejja dwar kemm dan l-isport hu intensiv, tekniku, u jrid ħsieb malajr.

X’tikkummenta fuq il-fatt li għadek kemm irbaħt l-unuri tal Aqwa Plejer fiċ-Challenger League kif ukoll tal-Aktar Plejer Promettenti?

Ninsab grat u onorat li rbaħt dawn iż-żewġ unuri. Huma premju għad-dedikazzjoni li nuru lejn il-logħba tal-futsal, mhux biss f’logħob imma wkoll fil-ħajja ta’ kuljum — it-taħriġ, ir-rutina, u s-sagrifiċċji kollha. Madankollu, dawn ma kinux ikunu possibbli mingħajr is-sapport qawwi li nirċievi ta’ kuljum minn familti u sħabi fit-tim li dejjem emmnu fija biex nkompli nikber bħala plejer. Huwa sodisfazzjon personali kbir, imma wkoll xhieda tal-ħidma kollettiva tat-tim.

X’tikkummenta fuq l-andament tal-eks tim tiegħek, Hamrun Futsal, matul l-aħħar staġun fiċ-Challenger League?

Inħoss li l-istaġun li għadda ma’ Hamrun Futsal kien wieħed ta’ suċċess, fejn irnexxielna nirbħu ċ-Challenger League wara staġun twil u mimli sfidi. Minkejja d-diffikultajiet li sibna matul il-kampjonat xorta waħda bqajna konvinti fl-għan tagħna. Il-mira tagħna dejjem kienet li nirbħu l-kampjonat, u permezz ta’ prestazzjonijiet tajbin minn kull wieħed mit-tim, irnexxielna nispiċċaw l-istaġun fuq nota għolja.

Kif tqis il-livell tal-futsal f’pajjiżna fil-preżent?

Nemmen li l-livell tal-futsal f’pajjiżna bħalissa huwa wieħed għoli u qed ikompli jitjieb sena wara sena. Grazzi għal taħlita ta’ plejers Maltin b’talent naturali kif ukoll barranin ta’ livell għoli li jagħtu kontribut qawwi lit-timijiet tagħhom, qed nara kampjonat dejjem aktar kompetittiv. Minn meta bdejt nilgħab fil-kampjonat Malti tliet snin ilu, rajt progress u żieda fil-kwalità tat-timijiet.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Il-futsal sfortunatament għad m’għandux l-istess faċilitajiet u riżorsi bħall-futbol, u din hija realtà li nafuha tajjeb aħna l-plejers. Din hija sfida kemm għall-atleti, kif ukoll għall-coaches u l-amministrazzjoni. Madankollu, l-Iskola Nazzjonali tal-Isport toffri ambjent tajjeb u grawnd adattat fejn isiru ħafna mill-logħob tal-kampjonat. L-aspirazzjoni tiegħi hi li xi darba jkollna padiljun dedikat biss għall-futsal, fejn ikun jista’ jsir progress ikbar, kemm mil-lat tekniku kif ukoll minn dak organizzattiv u professjonali.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Illum il-ġurnata qed naraw bidla fejn l-isport qed jittieħed aktar bis-serjetà, b’mod speċjali fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa li qed tifhem aktar l-importanza tad-dixxiplina, ir-rutina u l-mentalità sportiva. Iżda bħala pajjiż għadna lura meta mqabbla ma’ oħrajn f’termini ta’ investiment, edukazzjoni sportiva, u opportunitajiet għall-atleti. Nemmen li għandu jkun hemm aktar inizjattivi edukattivi li jintroduċu lit-tfal għall-isport minn età żgħira u li jinkoraġġixxu ambjent ta’ tkabbir, mhux biss għall-atleti iżda wkoll għal min jaħdem fl-isfond bħall-kowċis u l-istaff tekniku.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futsal?

Qed inħares lejn il-futur b’tama kbira u b’deteminazzjoni li nkompli nikber. Nixtieq inkompli nitgħallem dwar il-logħba tal-futsal, kemm teknikament kif ukoll mentalment, u nkun kapaċi nagħti kontribut b’saħħtu lit-tim nazzjonali Malti. L-għan tiegħi hu li nkompli nikkompeti f’kompetizzjonijiet internazzjonali u nkun preżenza pożittiva, mhux biss fil-grawnd, imma wkoll barra minnu bħala figura ta’ ispirazzjoni għal plejers iżgħar li għandhom ħolm simili.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futsal.

Li tagħmel karriera fil-futsal hija xi ħaġa sabiħa u sodisfaċenti. Huwa sport intensiv, veloċi u tattiku ħafna – logħba kompletament differenti mill-football li titlob konċentrazzjoni u intelliġenza kostanti. Jekk temmen fik innifsek, taħdem bis-serjetà, u tibqa’ konsistenti, xejn m’huwa impossibbli. Il-futsal jista’ jkun il-pjattaforma tiegħek biex tikber, tilħaq l-għanijiet tiegħek, u toħloq karriera li tkun kburi biha!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport