Wednesday, June 25, 2025

‘Ninsab ħerqan ħafna  biex nibda din l-avventura ġdida mal-klabb ta’ Zebbug Rangers’ – Alessandro Ciantar

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet ta’ etá żgħira meta kont immur nara lil missieri jilgħab il-futbol, imbagħad ovvjament imxejt fuq il-passi ta’ missieri u bdejt nitħarreġ il-logħba tal-futbol u bqajt nilgħab s kemm kelli 30 sena.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Assistant Coach ta’ Zebbug Rangers FC, fejn se tkun qed taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ, Saviour Debono Grech?

Ninsab ħerqan ħafna biex nibda din l-avventura ġdida mal-klabb ta’ Zebbug Rangers – klabb li huwa stabbilit u klabb li għandu viżjoni biex jerġa’ jkun fl-ogħla divizjoni tal-futbol Malti. Flimkien mal-kowċ Saviour Debono Grech din ħa tkun is- sitt sena tiegħi naħdem miegħu bħala assistant coach. Il-kowċ Saviour m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni fil-futbol Malti. Huwa kowċ stabbilit u bravu … kowċ li taħdem sew miegħu mingħajr diffikultá. Huwa kowċ ‘demanding’ ħafna peró dejjem ħdimna tajjeb flimkien u s’issa nista’ ngħid li f’kull klabb li konna miegħu, dejjem ilħaqna t-tragwardi tagħna.

Iddeskrivi l-esperjenzi passati tiegħek fil-kowċing fosthom ma’ Melita FC, Zurrieq FC u Marsa FC.

L-esperjenzi fil-kowċing tiegħi fil-passat kienu pożittivi ħafna. Kelli mumenti sbieħ ħafna fejn mal-ewwel sena li dħalt fil-kowċing ta’ tim tal-kbar tal-Melita FC ksibt promozzjoni mingħajr telfa u komplejt billi żammejna postna mal-ewwel sitta fiż- żewġ staġuni ta’ wara. Ma’ Zurrieq FC kelli staġun pożittiv ukoll fejn b’baġit finanzjarju veru limitat wassalna t-tim mal-ewwel sitta, u kien staġun fejn kelli ħafna sodisfazzjon nara bosta plejers żgħażagħ jiddebuttaw fiċ-Challenge League.

Ma’ Marsa FC kien staġun li ngħidulu kien fih ħafna tlugħ u nżul. Forsi ma kienx xi staġun li nista’ ngħid li kien suċċess peró xorta waħda rnexxielna nagħmluha mal-ewwel tmienja. Kien staġun li kien fih sfidi kbar u jien żgur li tgħallimt ħafna minnu.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin? U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-futbol Malti naħseb li kiber fil-livell illum meta kkumparat ma’ qabel peró xorta waħda għadni nemmen li qabel kien hawn iżjed plejers ta’ kwalitá u għażla. Min- naħa l-oħra mhux kull klabb kellu r-riżorsi dak iż-żmien. Illum għall-grazzja t’Alla kull klabb għandu r-riżorsi biex jaħdem u jtejjeb il-futbol Malti.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi: fil-futbol trid taħdem, trid tisma’ u tassorbi l-pariri li jagħtuk il-kowċis, ma tgħaġġilix fid-deċiżjonijiet tiegħek,

titla’ tarġa tarġa, u m’għandek taqta’ qalbek qatt!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport