Thursday, January 8, 2026

‘Ninsab ħerqan ħafna biex nibda nilgħab ma’ Marsaxlokk FC u naħdmu flimkien biex nilħqu l-għanijiet tagħna’ – Domantas Simkus

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn età żgħira, missieri verament riedni nsir plejer tal-futbol. Hekk beda l-vjaġġ tiegħi bħala atleta.

Kif ġejt tilgħab f’Malta?

Irċevejt offerta biex ningħaqad ma’ Hamrun u nkun parti mill-vjaġġ tagħhom f’kompetizzjonijiet Ewropej. Għoġbitni ħafna l-idea, u għalhekk bdejt nilgħab hawn f’Malta.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Marsaxlokk FC?

Issa jien plejer ta’ Marsaxlokk FC, u ninsab ħerqan ħafna biex nibda nilgħab u naħdmu flimkien biex nilħqu l-għanijiet tagħna.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza issa passata tiegħek ma’ Hamrun Spartans FC?

Dak li rnexxielna niksbu ma’ Hamrun, billi niktbu l-istorja tal-futbol Malti, se jibqa’ f’qalbi għall-bqija ta’ ħajti. Qattajna żmien mill-isbaħ, u ninsab kuntent ħafna li stajt inkun parti minnu.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali tal-Litwanja?

Li nirrappreżenta lit-tim nazzjonali tiegħi huwa unur kbir għalija. Dejjem huwa pjaċir għalija li nissejjaħ ma’ dan it-tim!

Jekk ngħidlek li l-iktar logħba importanti li lgħabt ma’ dan it-tim kienet dik kontra l-Portugall, fejn fost oħrajn lgħabt kontra l-fenomenu, Cristiano Ronaldo, taqbel miegħi?

Kelli ċ-ċans li nilgħab kontra ħafna timijiet nazzjonali tal-ogħla livell, iżda waħda mill-logħbiet li tispikka l-aktar hija kontra l-Portugall. Niftakar dik il-logħba tajjeb ħafna. Kien pjaċir kbir li nilgħab kontra Ronaldo, Silva u stilel oħra ta’ dak il-livell.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Huwa kampjonat kompetittiv. Nemmen li l-istandard ġenerali qed jitjieb kull sena, u kollox miexi fid-direzzjoni t-tajba.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

Bħal ħafna oħrajn, nixtieq li l-istadia kollha jkollhom ħaxix naturali. Imma dik hija r-realtà, u trid tadatta għall-kundizzjonijiet.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Nipprova ma nħarisx wisq ‘il bogħod u niffoka fuq il-preżent. Nagħti l-massimu sforz tiegħi f’kollox, u naraw x’joffri l-futur.

Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ success fil-futbol.

Il-parir tiegħi lill-plejers żgħażagħ huwa li dejjem jaħdmu iebes, jibqgħu dixxiplinati, u qatt ma jaqtgħu qalbhom mill-ħolm tagħhom. Is-suċċess jiġi għand dawk li huma dedikati u passjonati!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport