Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet meta kelli biss erba’ snin. Kont nara lil ħuti ikbar minni jitħarrġu, u dan ispirani biex nipprova jien stess. Hekk beda l-vjaġġ tiegħi f’dan l-isport sabiħ.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Dingli Swallows FC?
Ninsab ħerqan ħafna għal dan il-kapitlu ġdid ma’ Dingli Swallows FC … inħossni qisni ġejt id-dar. Dan huwa l-klabb fejn trabbejt u żviluppajt bħala plejer, allura huwa speċjali għalija. L-għan tagħna huwa l-promozzjoni, u filwaqt li m’aħniex qed naħbu dik l-ambizzjoni, qed nibqgħu saqajna mal-art ghaliex l-istagun huwa wiehed twil. Nafu li rridu naħdmu ħafna, nibqgħu magħqudin, u nagħtu kollox bl-għajnuna tal-kowċis u l-istaff tagħna. Nemmen li għandna grupp ta’ plejers b’saħħtu u solidu, u aħna lesti li niġġieldu għal staġun tajjeb.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-istaġun li ġej?
Personalment, l-għan ewlieni tiegħi huwa li nerġa’ nsib l-aqwa forma tiegħi. L-aħħar sena jew sentejn kienu diffiċli minħabba xi injuries, u kelli nimbotta ‘l quddiem u nibqa’ għaddej anke meta ma kienx faċli. Dan l-istaġun, irrid inkun fl-aqwa forma u nikkontribwixxi kemm nista’ għas-suċċess tat-tim.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma Pembroke Athleta FC.
L-istaġun li għadda kont ma’ Pembroke, u kien wieħed ta’ sfida. Għaddejna minn xi żminijiet diffiċli imma fl-aħħar mill-aħħar irnexexiela nassiguraw post Pembroke fid-diviżjoni. Tgħallimt ħafna wkoll – kemm dwari nnifsi kif ukoll dwar il-logħba. Minkejja kollox, ħriġt aktar b’saħħti u aktar matur, u issa lest biex niffaċċja l-isfida li jmiss.
Kif tqis il-livell tal-futbol f’pajjiżna fil-preżent?
Nemmen li l-futbol f’Malta qed jikber bilmod, speċjalment fil-livell taż-żgħażagħ, u minn hemm jibda kollox. Il-faxxa ta’ età ta’ bejn il-15 u t-18-il sena hija kruċjali. Dak huwa ż-żmien meta plejer jeħtieġ jieħu passi serji u meta l-kwalità tat-taħriġ u l-kompetizzjoni tassew tiddetermina.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Aħna xxurtjati li għandna grawnd mgħammar tajjeb u faċilitajiet tajbin f’Ħad-Dingli. L-istaff, il-kowċis, u l-kumitat qed jagħmlu l-almu tagħhom biex iħejjuna għal staġun iebes u kompetittiv. L-ambjent huwa pożittiv u ffukat, u dan jagħmel differenza kbira.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?
Il-mentalità tal-isport f’pajjiżna hija qasam fejn għad għandna ħafna xogħol xi jsir. Imma nara aktar nies illum il-ġurnata jiffokaw fuq kif intejbu l-futbol Malti, mhux biss fil-grawnd, imma wkoll mentalment u professjonalment. Dan jagħtini tama li mexjin fid-direzzjoni t-tajba.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Għalissa, jien iffukat fuq dan l-istaġun, imma fit-tul, irrid biss nibqa’ nikber u nikkontribwixxi għal-logħba. Kemm jekk bħala plejer jew f’xi rwol ieħor fil-futur, il-futbol dejjem se jkun parti minn ħajti.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol huwa sport sabiħ li jgħallmek tant valuri – dixxiplina, reżiljenza, u ħidma f’tim. Jekk tieħdu bis-serjetà, jiġi b’sagrifiċċji. Kultant ikollok tabbanduna miri personali, u jista’ jkollu impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum tiegħek, anke l-ħin tiegħek mal-familja. Imma jekk int determinat u lest li taħdem għalih, ħafna mill-ħin, tasal fejn trid tkun!
Dak li jagħmel kollox ‘worth it’ huwa li matul it-triq, tibni rabtiet u hbiberiji b’saħħithom. Ma ssibx biss sħabek fit-tim, tibni ħbiberiji u ssir parti minn familja tal-futbol. Dak l-appoġġ u l-għaqda huma dak li jżommuk għaddej, anke fi żminijiet diffiċli. U dik hija xi ħaġa tassew speċjali!