Minn Cristian Muscat
Meta fil-bidu tas-sena 2023 Milan Cirovic inħatar kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo tal-irġiel, ħafna raw f’din il-ħatra bidla kuraġġuża u sinjal ċar li l-waterpolo Malti kien se jidħol f’fażi ġdida. Illum, tliet snin wara, ir-riżultati qed jitkellmu waħedhom.
Il-klassifika storika bit-13-il post fil-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo f’Belgrad fl-2026 hija xhieda ċara tal-ħidma, il-paċenzja u l-karattru li Cirovic daħħal f’dan il-grupp.
Għal Malta, dan ir-riżultat ifisser titjib fuq l-14-il post miksub fl-2022, iżda fuq kollox ifisser pass ‘il quddiem f’termini ta’ mentalità u identità. Taħt it-tmexxija tal-kowċ Montenegrin, it-tim nazzjonali Malti wera li kapaċi jikkompeti, jirkupra minn diffikultajiet u joħroġ rebbieħ anke f’mumenti diffiċli. Din il-gazzetta ħadet il-kummenti tal-istess Cirovic li kien ferm kuntent u kburi b’dak li kisbu bħala grupp.
“Ninsab kburi ferm bil-plejers tiegħi, huma wettqu l-aqwa riżultat possibbli għall-waterpolo Malti,”jgħid Cirovic b’emozzjoni. “Kuntent għalihom għax ippreparaw ħafna, kellhom karattru sod u iġġieldu għal xulxin. Kien tassew grupp magħqud!” Kliem li juri mhux biss sodisfazzjon, iżda wkoll apprezzament profond lejn il-plejers tiegħu, li skontu wrew qalb u dixxiplina eżemplari.
Il-vjaġġ ta’ Malta f’dawn il-Kampjonati Ewropej ma kienx wieħed faċli. Wara tliet telfiet fil-fażi tal-gruppi, ħafna setgħu qatgħu qalbhom. Minflok, Malta rrispondiet bl-aqwa mod possibbli, billi rebħet tliet partiti konsekuttivi fit-tieni fażi tal-kompetizzjoni, kollha b’differenza ta’ gowl wieħed, kontra Iżrael, is-Slovakkja u fl-aħħar kontra s-Slovenja.
“Bla dubju li mhux xi ħaġa faċli wara li tkun tlift tliet partiti fil-fażi tal-gruppi,” jammetti Cirovic. “Imma l-karattru sod u d-determinazzjoni għenhom sabiex jirbħu tliet partiti. Din il-frażi forsi tiġbor kollox: it-tim ma ċediex, iżda għażel li jiġġieled.
Il-partita kontra s-Slovenja kienet waħda mill-aktar intensiva u bilanċjata tal-kompetizzjoni. Malta bdiet tajjeb, iżda s-Sloveni żiedu r-ritmu u temmew l-ewwel sessjoni 4-3 minn fuq. Minkejja dan, Malta baqgħet fil-logħba u nofs il-konfront sab iż-żewġ timijiet fuq skor ta’ 8-8. Il-vantaġġ baqa’ jdur minn naħa għall-oħra, bl-iskor ikun 11-11 fi tmiem it-tielet kwart.
Fl-aħħar sessjoni, iżda, Malta sabet dak il-qlubija u l-konċentrazzjoni meħtieġa biex tiftaħ vantaġġ ta’ żewġ gowls li s-Slovenja ma rnexxilhiex tagħlaq. L-iskor finali ta’ 14-13 issiġilla riżultat storiku li jibqa’ mfakkar.
Fuq livell individwali, Ivan Nagaev kien l-aqwa skorer b’ħames gowls, filwaqt li Liam Galea żied erbgħa. Il-captain Stevie Camilleri skorja tlieta, u Matthew Zammit u Alec Fenech żiedu gowl kull wieħed. Madankollu, skont Cirovic, is-suċċess ma kienx dwar ismijiet individwali. “Intenni li huma ġġieldu għal xulxin u dik il-ħaġa tgħodd ħafna,” jgħid, u jkompli jenfasizza l-ispirtu kollettiv li sar il-pedament tat-tim.
Dan ir-riżultat ġie miksub minkejja diversi sfidi barra l-ilma. Fil-bidu tal-kompetizzjoni, il-plejer Jake Muscat intbagħat lura d-dar wara azzjoni dixxiplinarja, filwaqt li wara r-rebħa kontra Iżrael, ħarġu rapporti dwar allegazzjonijiet ta’ match-fixing li jinvolvu erba’ plejers. Sitwazzjonijiet li setgħu faċilment iħawwdu l-ambjent tat-tim.
“Il-grupp baqa’ magħqud,” huwa l-messaġġ li ħareġ mill-azzjonijiet fuq il-pitch. Għal Cirovic, dan kien test ieħor tal-maturità tat-tim. Minn mindu ħa r-responsabbiltà fl-2023, hu dejjem enfasizza l-importanza tad-dixxiplina, ix-xogħol iebes u l-iżvilupp fit-tul. Il-preparazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-2026 inkludiet kamp ta’ taħriġ f’pajjiżi bħas-Slovenja u logħbiet internazzjonali importanti matul l-2025, kollha mmirati biex it-tim ikun lest mentalment u fiżikament.
Oriġinarjament mill-Montenegro, pajjiż b’tradizzjoni kbira fil-waterpolo, Cirovic ġab miegħu esperjenza u kultura sportiva li ftit ftit bdew jidhru fil-mod kif Malta tilgħab. L-għan tiegħu dejjem kien wieħed ċar: li jibni tim kompetittiv li mhux biss jipparteċipa, iżda li jkun kapaċi jirbaħ u jikber.
Ir-riżultat f’Belgrad mhux biss kapitlu sabiħ fl-istorja tal-waterpolo Malti, iżda wkoll pedament għal dak li jista’ jiġi fil-futur. Taħt it-tmexxija ta’ Milan Cirovic, Malta wriet li bil-ħidma, il-fiduċja u l-għaqda, anke pajjiż żgħir jista’ jħalli marka fuq livell Ewropew. U jekk dan hu biss il-bidu, il-waterpolo Malti għandu għalfejn iħares ‘il quddiem b’ottimiżmu kbir.
Dan is-suċċess f’Belgrad qed jitqies ukoll bħala punt ta’ riferiment għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin tal-waterpolo Malti. Għal Cirovic, ir-riżultat mhux biss dwar klassifika jew statistika, iżda dwar il-messaġġ li qed jintbagħat lil dawk iż-żgħażagħ li qed jibdew jagħmlu l-ewwel passi tagħhom f’dan l-isport.
Skontu, il-progress reali jidher meta tim ikun kapaċi jitgħallem mit-telfa, jirrispetta l-proċess u jibqa’ jemmen fih innifsu anke meta r-riżultati ma jiġux immedjatament. Hu jemmen li l-identità tat-tim nazzjonali għandha tkun waħda bbażata fuq ix-xogħol iebes ta’ kuljum, fuq il-kuraġġ li taffaċċja avversarji b’aktar esperjenza u fuq l-umiltà li tibqa’ titgħallem kontinwament.
Il-fatt li Malta rebħet tliet partiti konsekuttivi wara bidu diffiċli juri li din il-mentalità qed tibda tidħol fil-qalba tal-grupp. Cirovic jinsab konvint li jekk dan il-mudell jinżamm, il-waterpolo Malti mhux biss se jibqa’ jikseb riżultati pożittivi, iżda wkoll jibni struttura soda li fuqha jista’ jkompli jikber fis-snin li ġejjin, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.

