Friday, September 5, 2025

‘Ninsab kburi ħafna bija nnifsi u b’sħabi tat-tim talli għamilna l-istorja u bqajna mingħajr telfa’ – Miguel Farrugia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

L-imħabba tiegħi għall-waterpolo bdiet meta bdejt nara lil ħija jittrejna fil Pixxina tas-Sirens u gabitli l-interes li nkun tajjeb daqsu u jekk mhux aħjar.

X’tikkummenta fuq ir-rebħ tad-Double permezz tal-Kampjonat u n-Knockout tal-Ewwel Diviżjoni minn Marsaxlokk ASC?

Għalkemm għalija kien staġun diffiċli b’ħafna problemi personali, xorta ninsab kburi ħafna bija nnifsi u b’sħabi tat-tim talli għamilna l-istorja u bqajna mingħajr telfa. Nittama wkoll li nistgħu nieħdu din l-esperjenza u naraw fejn teħodna fil-Kampjonat Premier.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’  Marsaxlokk ASC.

L-esperjenza tiegħi ma’ Marsaxlokk ASC hija xi ħaġa vera speċjali kif ukoll unika minħabba li għandna kowċis u klabb li għandhom tant fiduċja fil-potenzjal tiegħi. Napprezza ħafna d-deddikazjoni tal-kowċis tagħna, Sasa Misic u Aleksander Ciric u plejers barranin (Nikola Bogdanovic) li għallmuni tant matul dawn l-erba’ snin kemm bħala plejer fil-logħba tal-waterpolo, kif ukoll bħala persuna.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Sasa Misic?

Onestament, huwa wieħed mill-aqwa jekk mhux l-aqwa kowċ li qatt kelli, sempliċament minħabba li jaf kif għandu jilqa’ lill-skwadra u anke lill-plejer wara logħba ħażina jew tajba. Nemmen ukoll li l-kowċ Sasa Misic mhuwiex tajjeb minħabba rebħ tal-logħob u tat-Tazzi biss imma wkoll fuq kif jista’ jadatta l-aħjar tattiċi għal kull persuna  u pożizzjoni fit-tim li tgħinna nirbħu l-logħob u t-Tazzi.

U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Victor Fenech?

Ir-riżultat jitkellem għalih innifsu. Ġabu kowċ u plejers barranin li dejjem tawna l-aqwa għajnuna kull staġun, u naħseb li kieku m’għamlux li għamlu għalina….aħna nkunu f’pożizzjoni differenti.

Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?

Fl-opinjoni tiegħi, il-livell tal-waterpolo f’Malta qed isir aħjar wara kull sena, minħabba l-Kampjonat tas-Sajf bil-plejers barranin, il-Final 4 taċ-Champions League u logħbiet tat-tim nazzjonali Malti fuq livell Ewropew u globali. Għalkemm sejrin għall-aħjar xorta nemmen li għad hemm bżonn progress biex il-waterpolo isir l-isport nazzjonali ta’ Malta u biex jiġbed l-attenzjoni tan-nies.

U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Jien naħseb li l-Gvern ħa avviż minħabba il-bidliet drastiċi fejn hawn iktar ħin biex titħarreġ, iktar aċċess, u l-kwalitá tat-taħriġ tjieb drastikament. Għalkemm hemm ħafna titjib, nixtieq nara aktar appoġġ u aktar ftuħ ta’ klabbs.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

Inħoss li għandi ħafna aktar x’nikseb fis-snin li ġejjin kif ukoll ħafna aktar x’nipprova lili nnifsi u lil kulħadd. Ma naħsibx li lħaqt il-potenzjal sħiħ tiegħi u għad għandi triq twila x’nimxi ‘l quddiem. Irrid nirringrazzja wkoll u ngħid li jien grat ħafna għall-opportunità li tawni Neptunes u Marsaxlokk matul dawn l-erba’ snin meraviljużi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-waterpolo.

Li tibda tilgħab il-waterpolo żgur jista’ jħossu diffiċli għall-ewwel, huwa sport ta’ intensità għolja li jisfida l-kundizzjoni fiżika, il-koordinazzjoni, u l-mentalità tiegħek f’daqqa. Jista’ saħansitra jidher intimidanti fil-bidu.

Imma jekk tibqa’ hekk, malajr tirrealizza kemm hu sodisfaċenti. Il-waterpolo mhux biss jibni s-saħħa fiżika, iżda wkoll ir-reżiljenza, il-ħidma f’tim, u d-dixxiplina.

Jiftaħ il-bibien kemm jekk ikun ivvjaġġar, kompetizzjoni f’livelli għoljin, jew formazzjoni ta’ ħbiberiji tul il-ħajja. Il-vjaġġ mhux dejjem faċli, iżda l-potenzjal li għandu dan l-isport huwa enormi. Tista’ tispiċċa tikseb aktar milli qatt immaġinajt!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport