Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport?
Minn mindu niftakar kont interessata fl-isport!
Iddeskrivi l-esperjenzi diversi tiegħek fl-għawm, il-waterpolo u l-futbol?
Xi esperjenzi li nista’ niddeskrivi huma l-laqgħat tal-Għid tal-2025 fejn irbaħt ħames midalji tad-deheb mal-klabb tan-Neptunes. Fil-waterpolo dan l-aħħar mort barra minn Malta mat-tim nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena, li kienet esperjenza mill-aqwa, u fil-futbol meta rbaħna l-kampjonat ta’ taħt it-13-il sena ma’ Birkirkara FC.
U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper fil-waterpolo u l-futbol?
Inħobb nilgħab kemm bħala plejer kif ukoll bħala goalkeeper, imma maż-żmien irrealizzajt il-passjoni tiegħi li nibqa’ fil-lasta, u ġejt ispirata minn Mary Earps, goalkeeper mara li tilgħab ma’ PSG fi Franza.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq is-suċċess inkredibbli li ksibt fl-aħħar edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej tan-Nisa ta’ taħt is-16-il sena, fejn ta’ 11-il sena biss kont l-iżgħar plejer fit-tournament, filwaqt li ġejt ivvutata bħala l- aqwa goalkeeper tat-tournament?
Ninsab kburija ħafna bija nnifsi u bil-kisbiet tiegħi fil-Kampjonati Ewropej tan-Nisa ta’ taħt is-16-il sena. Naħseb li peressli jien kont l-iżgħar plejer fit-tournament u ġejt ivvutata bħala l-aqwa goalkeeper, jimbuttani kuljum biex nibqa’ nistinka ‘l quddiem mhux biss fil-waterpolo, imma fl-isports l-oħra kollha tiegħi. Ovvjament għandi nirringrazzja lill-familja, il-ħbieb u l-kowċis tiegħi għall-appoġġ kbir tagħhom qabel dan it-tournament.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo, l-għawm u l-futbol fil-kategoriji tiegħek f’pajjiżna fil- preżent?
Naħseb li l-livell qed jitjieb. Hemm ħafna tfal li qed jitħarrġu sew u qed jitjiebu. Fil-waterpolo u l-għawm, għandna timijiet b’saħħithom u fil-futbol aktar bniet qed jilagħbu wkoll, li huwa tajjeb ħafna. Qed nitgħallmu aktar kull sena.
U dak tar-riżorsi fejn intom l-atleti titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Xi wħud mill-postijiet fejn nitħarrġu jistgħu jkunu aħjar. Il-grawnds tal-futbol huma tassew iebsin u nagħmel ħafna qatgħat u tbenġil meta naqa’. Fl-għawm xi kultant ikun hemm wisq ‘chlorine’ fil-pixxina u dan iġiegħel lil għajnejja juġawni u l-ġilda tħossha skomda … jew meta l-ilma jkun kiesaħ wisq, madankollu xorta nieħu gost nitħarreġ.
Kif tqis il-mentalità tal-isport f’pajjiżna?
In-nies f’pajjiżna qed jibdew jieħdu l-isport aktar bis-serjetà issa. Il-kowċis qed jaħdmu ħafna magħna u l-familji qed jappoġġjawna aktar. Imma naħseb li xorta rridu nemmnu aktar fl-atleti żgħażagħ u ngħinuhom jikbru.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-isport, hekk kif għadek ta’ età żgħira?
Irrid nibqa’ nitħarreġ u nagħmel l-almu tiegħi fl-isports kollha li nħobb. Irrid nibqa’ nitjieb u forsi xi darba nerġa’ nirrappreżenta lil Malta. Naf li għandi ħafna x’nitgħallem, imma ninsab eċċitata għal dak li ġej.
Għaddi messaġġ finali speċjalment lil dawk il-bniet u t-tfajliet li jixtiequ jibdew jipprattikaw xi tip ta’ sport.
Tibżax tipprova! Anke jekk qatt ma prattikajt xi tip ta’ sport qabel, ibda issa! Huwa divertenti li tagħmel ħbieb ġodda u ssir aktar b’saħħtek u aħjar kuljum. Emmen fik innifsek u qatt taqtax qalbek!