L-eks Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, qasam blog fuq il-midja soċjali li permezz tiegħu kkjarifika xi punti rigward l-arrest tiegħu u l-kawża li għandu pendenti mad-Deputata Laburista Rosianne Cutajar.
Dan wara li iktar kmieni llum tħabbar li Camilleri naqas milli jidher f’seduta minkejja li kien imħarrek biex jagħmel dan. Camilleri qiegħed jaffaċċja akkużi relatati ma’ kummenti fil-konfront tad-Deputata Laburista Rosianne Cutajar li saħansitra fetħet proċeduri ta’ libell kontrih.
Camilleri jsostni li jinsab kunfidenti li permezz tal-evidenza li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, id-Deputata Laburista mhix se toħroġ rebbieħa u għalhekk ma jkollux għalfejn iħallas multa li l-massimu tagħha huwa €10,000. Huwa allega li: “Id-Deputata Laburista ressqet dawn il-każijiet għaliex temmen li se jservuha bħala mezz biex ittejjeb ir-reputazzjoni tagħha … jiena ninsab kunfidenti li eventwalment ma jkollhiex ir-riżultat mixtieq, anzi jseħħ bil-kontra”.
Camilleri allega li l-Pulizija għandhom l-istess evidenza li għandu hu dwar Cutajar u qal li huwa proprju minħabba f’hekk li qed isibha problematika li l-Pulizija aċċettat l-ilment li resqet Cutajar. “Il-Pulizija jaqblu magħha li jien wettaqt krimini meta tlabtha tirreżenja minħabba l-korruzzjoni li wettqet,” qal Camilleri.
Huwa qal li Cutajar fetħet każ ta’ libell kontrih minħabba l-ilment tiegħu li hi u Yorgen Fenech kellhom relazzjoni intima. Saħansitra huwa qal li allega li Cutajar kienet iddefendiet il-korruzzjoni li wettaq Fenech wara li dan tal-aħħar allegatament xaħħamha biex tkun tista’ tagħmel dan.
“Rosianne hija responsabbli għal għadd ta’ krimini li jinkludu tixħim u ħasil tal-flus, fost oħrajn, u li s’issa għadha ma ġietx akkużata għal dawn l-attivitajiet kriminali”, tenna Camilleri.