Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
L-imħabba tiegħi lejn il-basketball bdiet meta l-ġenituri tawni ballun tal-basketball meta għalaqt erba’ snin, imbagħad ħaduni basketball camp ġewwa l-White Rocks ta’ Don Ross u komplejt minn hemm.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala plejer u l-unuri li rbaħt kemm fuq livell ta’ klabb kif ukoll mat-tim nazzjonali.
L-esperjenza tiegħi bħala plejer kienet ta’ suċċess u nemmen li dawk l-esperjenzi se jgħinuni f’din l-isfida li jmiss bħala kowċ.
X’differenza hemm bejn li tkun plejer u kowċ?
Id-differenza hi li bħala plejer kont nittrenja ħafna biex intejjeb il-logħba tiegħi u nkun fiżikament fl-aqwa tiegħi għal meta jiġi biex jagħżlek il-kowċ. Bħala kowċ trid tieħu ħsieb it-titjib, l-iżvilupp u l-‘chemistry’ tat-team biex nilħqu t-tragwardi tagħna.
X’tikkummenta fuq l-istaġun li għadda għal Starlites Naxxar JSD, fejn kontu pass ‘il bogħod mir-rebħ tal-kampjonat?
Tlifna opportunitá biex insiru iċ-champions il-ġodda tal-basketball femminili. Wara li fl-istaġun reolari, Depiro u Luxol kienu aħjar minna, tul il-play-offs, aħna konna l-aħjar tim u mad-Depiro sparajna lilna nfusna f’saqajna fit-tliet logħbiet li tlifna tul is-serje, minħabba nuqqas ta’ konċentrazzoni u esperjenza. It-tort tiegħi li fil-ħames logħba ma żammejtx ruħi ffukat fuq il-premju finali. Nixtieq ngħid prosit lit-tim tad-Depiro l-kowċ Julian Naudi għax nemmen li kollox ma’ kollox kien ħaqqhom ikunu champions.
Kelli viżjoni għat-tim, u mxejt bl-istil tiegħi. Dan it-tim wera biċ-ċar li l-fatt li wieħed jimbotta iktar mil-limiti tiegħu, ifisser iktar mill-opinjoni ta’ ħaddieħor!
Ninsab kuntent ħafna meta tqis kif bdejna bil-bidliet kollha li saru għal kif spiċċajna. Esperjenza li mhu se ninsa qatt għax għalaqna ħalq ħafna esperti fix-xena tal-basketball lokali li qalu li ma konniex se naslu fejn finalment wasalna!
Il-futur ma nafx x’se jiġri għax pjanijiet ma nagħmilx u nħobb ngħix fil-mument. Nixtieq nerġa’ ngħid prosit lill-kowċis Julian Naudi u Roderick Vella, u lit-timijiet tagħhom għax vera ħadt gost nikkompeti kontrihom flimkien mat-tim ta’ nisa eċċezzjonali li kelli!
Kif tqis il-livell tal-basketball tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li qiegħed tajjeb u bl-inklużjoni ta’ żewġ timijiet oħra se tkun aktar interessanti dan l-istaġun.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-basketball.
Isibu bilanċ bejn taħriġ, xogħol, familja jew skola u li jkollhom ‘self-motivation’ biex jittrenjaw individwalment apparti dak it-taħriġ li jipprovdi l-klabb.