Wednesday, September 10, 2025

‘Ninsab kuntent u kburi li erġajt qed nagħmel parti mill-klabb ta’ Victoria Hotspurs’ – Kyle Barbara

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Nista’ ngħid li kważi twelidt fil-futbol. Peressli missieri kien u għadu nvolut fl-isport il-futbol dejjem kien suġġett komuni għalina.  Barra minn hekk ta’ etá żgħira kont immur nara l-logħob miegħu u l-atmosfera kienet togħġobni ħafna. Matul is-snin tal-iskola kont nistenna l-brejk b’ħerqa kbira biex nilgħab il-futbol ma’ shabi. Kont nilgħab kemm bħala plejer kif ukoll bħala goalkeeper. Bdejt nattendi n-nursery ta’ għaxar snin u ftit wara bdejt nitħarreġ bħala goalkeeper.

U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

Ir-rwol ta’ goalkeeper ma tantx huwa mfittex għax ftit ikun hemm mumenti ta’ glorja waqt li huwa rwol li fih tirċievi ħafna kritika. Trid tkun psikoloġikament b’saħħtek għax il-mumenti diffiċli waqt il-logħba m’humiex ftit.  Ħafna jqisu l-gowl bħala l-ikbar mument tal-logħba li miegħu jġib ħafna ċelebrazzjoni. Peró, jien minn dejjem kelli x-xewqa moħbija li xi darba nsir goalkeeper. Dan għaliex inħoss ċertu sodifazjon x’ħin nagħmel xi save importanti. Barra minn hekk, l-idoli tiegħi minn dejjem kienu goalkeepers kbar bħal Buffon, Casillas u Neuer.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn ir-ritorn tiegħek ma’ Victoria Hotspurs FC?

Ninsab kuntent u kburi li ergajt qed naghmel parti mill-klabb ta’ Victoria Hotspurs. It-tim huwa wieħed magħqud u qiegħed jiprepara b’mod serju u professjonali taħt il-gwida tal-kowċ, Oliver Spiteri. Ninsab konvint li f’tim bħal dan se nkompli nitgħallem u ntejjeb l-abilitá tiegħi bħala goalkeeper.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ ASD Athletic Soccer Academy fl-Italja.

Li jkolli esperjenza li nilgħab barra minn xtutna dejjem kienet il-ħolma tiegħi.  Allura meta ġietni din l-opportunitá, ma stajtx nirrifjutaha. Matul dan l-istaġun li għamilt nistudja u nilgħab fl-Italja nista’ ngħid li tgħallimt u kbirt ħafna kemm bħala persuna kif ukoll bħala goalkeeper. Il-fatt li tkun tgħix waħdek ġo pajjiż barrani tgħinek tkun aktar indipendenti u reżiljenti.  Ikollok ukoll iċ-ċans tirrifletti dwar jekk dak li mort għalih intix lest li tagħmel sagrifiċċju biex tiksbu. Tirrealizza wkoll l-importanza li matul dak il-perjodu inti trid tagħti l-mija fil-mija tiegħek biex tieħu dak kollu li tista’. Rigward il-futbol nista’ ngħid li sibt tim li laqgħuni mmedjatament u mill-ewwel ħassejtni li jiena nagħmel parti minn dan it-tim.

Hemmhekk sibt tim bi struttura tajba, faċilitajiet tajbin u coaching staff professjonali. Tibda tinduna kemm il-futbol f’dan il-pajjiz huwa meħud bis-serjetá fejn huwa iktar importanti li l-plejer jitgħallem jilgħab il-futbol milli jirbaħ mingħajr ma jkollu l-ħiliet neċessarji. Il-kampjonat kien maqsum fuq żewġ rawnds, bi 18-il loghba f’kull rawnd.  Il-logħob kien ikun kull nhar ta’ Ħadd. Il-fatt li tiltaqa’ ma’ 19-il tim differenti hija sfida li tgħallmek u tkabbrek. Nista’ ngħid li tlaqt mill-Italja b’esperjenza li ħalliet marka fuqi fejn bnejt relazzjonijiet ġodda ta’ fiduċja reċiproka.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-futbol Malti għaddej minn ħafna tibdiliet għall-ahjar. Dan jidher biċ-ċar mil-livell ta’ plejers żgħażagħ li telgħin. Il-futbol lokali sar iktar kompetittiv u t-timijiet qegħdin isiru iktar organizzati u strutturati b’mod għaqli fejn il-pjanijiet isiru iktar għal tul ta’ żmien.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Saru ħafna bidliet fil-faċilitajiet iżda xorta hemm lok għal titjib, speċjalment fil- manutenzjoni u t-tindif ta’ dawn il-faċilitajiet. Għalkemm ġew mibdula numru ta’ grawnds sintetiċi, fadal oħrajn li għandhom bżonn attenzjoni mmedjata. Jekk dan ma jseħħx, ir-riżultat ikun numru ta’ injuries li jistgħu ikunu fit-tul u li żgur ma jagħmlux ġid la lill-plejers u lanqas lill-futbol Malti.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?

Ċertament, inkun miftuħ għall-opportunitajiet ġodda fejn dak li tgħallimt nuzah kemm fil-grawnd kif ukoll biex inkompli nibni fuqu. Bħal kull plejer ieħor ma tonqosx ix-xewqa li nibqa’ navvanza fil-karriera tiegħi, fejn ikolli ċ-ċans nilgħab f’kategorji ogħla li jistgħu iwassluni biex nirraprezenta lil pajjiżi f’logħbiet internazzjonali.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

L-ewwel u qabel kollox il-futbol huwa stil ta’ ħajja li jitlob determinazzjoni, dedikazzjoni u sagrifiċċju kontinwu. It-triq mhix facli. Huwa importanti li temmen fil-potenzjal tiegħek, taħdem bi professjonalità, u tkun lest li timxi fuq il-pariri ta’ nies professjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport