Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
L-imħabba tiegħi lejn l-atletika bdiet meta kelli erba’ snin. Kont immur nara lil oħti tittrenja, u ġieli kont niddeffes mal-grupp tagħha. Kont noqgħod niġri ‘l hemm u ‘l hawn. Maż-żmien l-atletika saret parti mill-identitá tiegħi.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek fl-Amerika.
Il-ġimgħa li għaddiet kienet l-aħħar kompetizzjoni tiegħi taht l-organizzazzjoni NCAA. Dawn l-aħħar erba’ snin, qattajthom ġewwa l-Amerika sabiex nistudja u nipprattika l-atletika. Kollox beda meta ħames snin ilu xtaqt illi nittrenja ġo pajjiż ieħor. Dak iż-żmien bdejt nisma’ kemm hi diffiċii u stressanti li tkun student ġewwa l-Universitá ta’ Malta u atleta mat-tim nazzjonali Malti. Għalhekk, kont għamilt id-deċiżjoni illi mmur ngħix barra minn Malta. Il-post fejn xtaqt immur kien California. Ir-raġuni għalfejn xtaqt immur hemm hija ħhaliex huwa stat b’temp simili ta’ Malta, hemm il-baħar viċin, hemm ħafna universitajiet, u għandha estetika illi lili togħġobni ħafna. Wara tliet snin, iddeċidejt illi nitrasferixxi ruħi għal Texas. Ir-raġuni għalfejn bdilt l-iskejjel hija għaliex ma kontx kuntenta bil-kowċ li kelli ġewwa California. Wara dawn l-aħħar erba’ snin, spiċċajt il-karriera tiegħi mal-NCAA b’riżultati tajbin ħafna fl-atletika u gradwata b’Bachelor’s Degree fil-Multidisciplinary Studies.
Apparti li gradwajt u kbirt ħafna bħala persuna, irnexxieli nikseb ħafna riżultati li jimmotivawni sabiex nibqa’ nipprattika l-atletika. Fosthom ksibt ir-rekords nazzjonali ta’ taħt l-20, it-23, u tal-kbar fil-long jump u triple jump, ‘outdoors’ u ‘indoors’. Qatt ma ħsibt illi kien se jirnexxieli nikseb dawn ir-rekords kollha, aħseb u ara li nasal f’punt fejn ir-riżultati tiegħi huma riżultati kompetittivi ma’ atleti minn pajjiżi barranin, fein mhux biss inħossni illi qiegħda nipparteċipa f’kompetizzjoni, iżda qiegħda nikkompeti u għandi ċans għall-midalja. Dik is-sensazzjoni hija waħda mir-raġunijiet għalfejn xtaqt immur ngħix barra minn Malta. Kont qed nixba mill-mentalitá Maltija li tħossok inferjuri minn pajjiżi oħrajn. Illum il-ġurnata din il-mentalitá inbidlet ħafna, peró, f’dak iż-żmien kien għad kellna dik il-mentalitá ta’ qtigħ il-qalb f’Malta. Apparti r-riżultati, inħoss illi mmaturajt ħafna bħala atleta u tgħallimt x’passi rrid nieħu biex niskeb ir-riżultat li rrid. M’għadnix nagħti kas x’jagħmlu l-atleti l-oħrajn għaliex għandi kunfidenza fit-talent tiegħi u fil-lezzjonijiet li għallimni l-kowċ tiegħi.
Bħalissa, l-aqwa riżultati li ksibt huma 6.48m fil-long jump u 13.46m fit-triple jump. Din is-sena se nirrapreżenta lil Malta fil-‘European Team Championships’ ġewwa s-Slovenja, fil-‘European Under 23 Championships’ ġewwa n-Norveġja, u fil-‘University Games’ ġewwa l-Ġermanja. Nixtieq illi nispiċċa fl-ewwel tliet pożizzjonijiet f’dawk il-kompetizzjonijiet, u ntella’ lil Malta fuq il-podju miegħi. Fl-2028 nixtieq nikkwalifika għall-Olimpjadi u nirrapreżenta lil Malta kemm fil-long jump u anke fit-triple jump. L-għotja tal-grad u dawn ir-riżultati ma kinux ikunu possibli mingħajr l-għajnuna li ksibt permezz tal-għotja mingħand Malta Sport Scholarships Scheme finanzjata mill-Gvern ta’ Malta, Athletics Malta, SportMalta, u l-Kumitat Olimpiku Malti (KOM).
Fil-jiem li għaddew ħadt sehem b’suċċess fil-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet tal-Atletika f’Maribor, fis-Slovenja. Agħtina iktar dettalji.
Ninsab kuntenta ħafna bil-prestazzjoni tiegħi. Ksibt riżultati qrib ħafna tal-aqwa riżultati personali tiegħi fiż-żewġ avvenimenti, li jfisser li jien f’forma tajba u lest għal xi qabżiet kbar. Ninsab kburi li rnexxieli niġbor total ta’ 32 punt mit-333.5 punt b’kollox li t-tim ta’ Malta rnexxielu jikseb flimkien. Ninsab l-aktar kburija bl-ewwel post li ksibt fil-long jump fejn kont qed immexxi l-kompetizzjoni sa mill-ewwel qabża.
X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Ksirt diversi rekords nazzjonali fil-karriera tiegħi, fosthom għandi r-rekord nazzjonali tat-‘triple jump’ kemm tal-adulti, kif ukoll taż-żgħar. Għandi wkoll ir-rekord nazzjonali tal-‘long jump’ tal-adulti u taż-żgħar fil-‘long jump’ ukoll. Meta ġejt l-Amerika rbaħt bosta midalji tal-bronż, fidda, u deheb. Ġewwa l-Amerika, is-sena l-oħra, ikkwalifikajt biex nieħu sehem fil-Kampjonati Nazzjonali tal-NCAA ‘indoors’. F’din il-kompetizzjoni ksibt it-13-il post, jiġifieri spiċċajt it-13 ġewwa l-Amerika. Din is-sena rbaħt il-midalja tad-deheb fit-‘triple jump’ għall-Universitá tiegħi fil-kompetizzjoni ‘AAC Conference Indoors’. Fil-kompetizzjoni AAC Conference Outdoors irnexxieli nikseb il-midalja tad-deheb b’qabża ta’ 13.41m u l-midalja tal-fidda fil-long jump b’qabża ta’ 6.48m. B’dawn il-qabżiet irnexxieli nikser ir-rekords tal-long jump u r-rekords tat-triple jump. Apparti minn hekk irnexxieli nikkwalifika għall-kompetizzjoni ‘regionals’ fejn l-aqwa 48 atleta fl-Amerika jikkompetu kontra xulxin kemm fit-triple jump u fil-long jump. Dik il-kompetizzjoni se ssir fl-aħħar ta’ Mejju.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-atletika f’pajjiżna qiegħed jitjieb. Ma’ kull ġenerazzjoni qed ikun hemm pass ‘il quddiem fir-riżultati li qed jinkisbu. Xorta għad fadlilna ħafna fejn nimxu ‘il quddiem, peró sejrin fid-direzzjoni t-tajba.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
It-‘track’ fein isiru l-kompetizzjonijiet hija ‘track’ tajba … l-atleti għandhom ukoll aċċess għall-‘gym’. Peró, hemm bżonn illi jkun hemm iktar fondi lejn l-atleti. Fil-każ tiegħi pereżempju, malli niggradwa mill-Università irrid nara kif se jirnexxieli nħallas il-kirja tal-appartament, nixtri l-ikel, inħallas ił-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u nivjaġġa lura Malta għall-kompetizzjonijiet. Sabiex nibqa’ nittrenja wara li niggradwa irnexxieli insib xogħol, peró dan ix-xogħol se jeħodli ħin mit-taħriġ fl-atletika. Li kieku hemm skema li jgħinu lil-atleti li qegħdin jgħixu barra minn Malta, kieku nkun nista’ nibqa’ niffoka ħafna iktar ħin fuq l-atletika wara li niggradwa. Apparti minn hekk, ikolli ukoll flus biex inħallas għas-safra lura Malta, li bilfors ikolli inħallas biex nikkompeti u nirrapreżenta lil Malta.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Dejjem kont ngħid illi l-għan tiegħi huwa li nikkwalifika għall-Olimpjadi. Peró, għal din is-sena, l-għan tiegħi huwa li nirbaħ midalja għal pajjiżi fil-Kampjonati Ewropej ta’ taħt it-23 sena. Apparti minn hekk, irrid ngħin lil pajjiżi fil-Kampjonat tal-Pajjiżi Ewropej. Nixtieq illi nibdew naraw lill-pajjiżna fil-finali ta’ kompetizzjonijiet barranin, u jiena se nipprova nagħmel lill-pajjiżi kburi bija. Peró, biex jirnexxieli nikseb dan, għandi bzonn għajnuna finanzjarja.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Il-lezzjoni li tgħallimt malli mmaturajt bħala atleta hija li trid titgħallem tifhem u tħobb il-proċess. Ir-riżultati jaslu waħedhom, peró, mingħajr ma tiffoka fuq il-proċess, ir-riżultati mhux se jkunu dawk li tixtieq. Wara li tirtira, ma tridx tiftakar biss fuq ir-riżultati li ksibt, dik tkun ħela! Imma għandek tiftakar ifs-sagrifiċċji kollha li tkun għamilt, u l-passjoni u l-imħabba li urejt lejn l-isport.
L-atletika ma tgħallmekx biss kif taqbeż iktar ‘il bogħod jew kif tiġri iktar malajr. L-atletika tgħallmek ħafna iktar lezzjonijiet importanti fil-ħajja bħal sagrifiċċji, passjoni, motivazzjoni, konsistenza, u kif terġa’ tqum fuq saqajk wara xi sfortuna. L-atletika huwa sport, peró, minnha titgħallem kif issir raġel jew mara b’karattru sod u valuri tajbin.