Thursday, June 26, 2025

‘Ninsab motivat aktar minn qatt qabel biex nibqa’ nitjieb u niġri wara miri akbar’ – Luca Gerada

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Minn fejn bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Naħseb li l-isport dejjem kien parti minni. Il-ġenituri tiegħi dejjem jgħiduli li sa minn età żgħira kont inqatta’ siegħat nara l-isport fuq it-televiżjoni. Iżda l-passjoni vera lejn l-atletika bdiet meta kelli disa’ snin, meta ħadt sehem fl-ewwel attività organizzata għall-iskejjel — ATQuad Kids. Hemmhekk irnexxieli nirbaħ l-ewwel post fit-tfiegħ u kont magħżul biex nirrapreżenta lil Malta. Minn dakinhar bdejt nipparteċipa fil-long jump, shot put u l-ġiri — u minn hemm twieldet din l-imħabba qawwija lejn l-atletika.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq is-suċċess li ksibt bħala parti mit-tim tar-relay ta’ Team Malta waqt il-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet tal-Atletika f’Maribor fis-Slovenja?

Ninsab kburi immens li kkompetejt fil-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet, fejn irrappreżentajt lil pajjiżi fir-relay ta’ 4x100m. Fl-età ta’ 17-il sena, kienet esperjenza mill-isbaħ li nkun wieħed mill-iżgħar atleti fit-tim. Ninsab grat għall-opportunità, u kien mument indimentikabbli li ntellaq ma’ sħabi tat-tim b’tant talent fix-xena internazzjonali. Jien motivat aktar minn qatt qabel biex nibqa’ nitjieb u niġri wara miri akbar.

X’inhuma s-suċċessi ewlenin li ksibt matul il-karriera tiegħek bħala atleta?
Matul dawn l-aħħar sitt snin, dejjem irbaħt it-titlu ta’ Atleta tas-Sena b’mod konsistenti. L-ewwel sentejn il-premju kien jingħata b’mod ġenerali, iżda mill-it-tielet sena ‘l quddiem bdew jingħataw premji skont id-dixxiplini differenti. Irnexxieli nirbaħ fit-tliet dixxiplini li nieħu sehem fihom — ġiri, qbiż u tfigħ. Kburi wkoll bid-diversi rekords nazzjonali li kkontribwixxejt għalihom fit-tfigħ u fil-ġiri, kif ukoll bil-parteċipazzjoni tiegħi f’kompetizzjonijiet barra minn Malta, speċjalment meta nitla’ fuq il-podju b’bandiera Maltija fuq spallejja — mumenti li nibqa’ napprezza għal ħajti kollha. Ma nistax ma nsemmix li nhossni onorat li sa minn eta zghira kont mghajjat fit team Nazzjonali.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li hemm ħafna talent u potenzjal f’pajjiżna, speċjalment fost iż-żgħażagħ. L-appoġġ qed jiżdied, iżda għad hemm fejn nistgħu ntejbu — kemm f’termini ta’ faċilitajiet kif ukoll opportunitajiet ta’ taħriġ barra minn Malta. B’aktar investiment, nistgħu naslu biex inqajmu profil aktar għoli għall-atletika lokali.

U r-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
It-taħriġ tagħna jsir fil-kumpless Sportiv tal-Marsa, iżda s-sitwazzjoni mhix ideali dejjem. Kultant insibu diffikultajiet biex insibu spazji adattati jew attrezzaturi moderni. Hawn Malta ezempju ma ghandnix indoor track. Il-kompetizzjonijiet isiru regolarment, iżda nkunu limitati kemm f’ammont kif ukoll f’livell ta’ espożizzjoni internazzjonali. B’iktar appoġġ strutturali u finanzjarju, żgur li nistgħu nagħmlu passi ’l quddiem.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Għandi ħafna għanijiet u miri għal futur qarib u fit-tul. Nixtieq inkompli nikber bħala atleta, nagħmel aktar suċċessi internazzjonali u nkompli nkisser rekords. Fuq kollox, nixtieq inkun ispirazzjoni għal oħrajn, speċjalment għaż-żgħażagħ li għadhom jibdew il-vjaġġ tagħhom fl-isport.

X’messaġġ finali tixtieq tgħaddi lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika?

La se ngħaddi messagg finali nixtieq nibda billi nirringrazzja lill-kowċis tiegħi Rachid u Antonella Choucal u l-klabb tiegħi – Rush Athletic Club iżda anke lill- ġenituri tiegħi tal-appoġġ kontinwu tagħhom.
Lil kull min jixtieq jibda fil-karriera tal-atletika ngħidilhom biex ma jaqtgħu qalbhom qatt. It-triq mhix faċli — teħtieġ dixxiplina, sagrifiċċji u ħafna ħidma — imma kull sforz iħallas. Il-passjoni trid tkun il-mutur tiegħek. Żomm dejjem il-fokus fuq l-għanijiet tiegħek u qatt tinsa tgawdi kull mument tal-vjaġġ. Kull darba li tkun fuq fit-trakka jew fuq il-podju, tkun qed tikteb l-istorja tiegħek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport