Sunday, June 8, 2025

Ninsab motivat, determinat u eċitat biex nieħu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra – Luke Galea

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-karate?

Missieri, James Galea, kien fetaħ l-Mġarr Karate Club lura fi Frar tal-1999 fejn kien jgħallem il-karate fil-garaxx tagħna u jien twelidt xahar wara fl-24 ta’ Marzu. Minn mindu twelidt dejjem kont fl-ambjent tal-Karate u tad-dojo, tant li atleti t’20 sena ilu (li illum il-ġurnata huma Senseis/Kowċis) jiftakruni niġri bil-ħarqa fid-dojo!

Jiena bdejt nipprattika l-Karate meta kelli madwar erba’ snin u għadni nittrenja sal-lum il- ġurnata ta’ 26 sena. L-imħabba tiegħi għall-Karate ġiet b’mod naturali mill-ambjent li twelidt fih fejn missieri għadu jittrenja l-Karate sal-preżent u ommi u oħti kienu involuti wkoll f’dan l-isport.

Illum il-ġurnata, jien immexxi u nieħu ħsieb l-Mgarr Karate Club kif ukoll ngħallem flimkien mal-partner tiegħi Kelsey u sħabi Gabriel, Benjamin u Ria. Apparti minn hekk għadni atleta attiv f’livell internazzjonali u nittrenja prattikament kuljum, tant li l-attivitá fiżika kbirt fiha u saret parti integrali minn ħajti.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Diversi midalji tal-ewwel post fil-kompetizzjoni ta’ kull sena li ssir bejn il-Pajjiżi ż-Żgħar, u li issa l-Karate daħal uffiċjalment fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, nittamaw li nġibu riżultat sinjifikanti hemmhekk ukoll.

Kif tqis il-livell tal-karate f’pajjiżna fil-preżent?

Nemmen li bħala organizzazzjoni, il-Malta Karate Federation (MKF), żiedet il-livell tekniku fl- aspetti kompetittivi b’mod sinjifikanti – kemm fil-‘Kata’ u anke fil-‘Kumite’, fejn għandna Senseis fuq iż-żewġ aspetti li qed jimbuttawna ‘l quddiem biex nitjiebu fuq diversi livelli. Anke mill-aspett ta’ kompetizzjonijiet lokali għall-atleti li għadhom telghin, kif ukoll seminars ma’ Senseis barranin, flimkien mal-Kumitat u r-Refereeing Commission fejn kulħadd jagħmel l-almu tiegħu kollu biex itejbu l-Karate ġewwa Malta.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Bħala dojos fejn nittrenjaw, huma tajbin u adekwati għall-Karate, anke mill-aspett ta’ organizzazzjoni għall-kompetizzjonijiet eċċ. Nemmen li l-Malta Karate Federation (MKF) għandha livell tajjeb b’attitudni persistenti fejn dejjem jippruvaw itejbu l-għaqda nnifisha, kif ukoll il-Karate f’Malta u l-atleti preżenti.

Kif qed tħares lejn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra?

Ninsab motivat, determinat u eċitat biex nieħu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra. Dan specjalment għax il-Karate daħal għall-ewwel darba bħala wieħed mill-isports ġewwa dan il-Logħob. Huwa unur li ħa nkunu qed nirrapreżentaw lil Malta f’dan il- livell, flimkien mal-kontinġent Malti kollu.

U lejn il-futur tiegħek fil-karate?

Ninsab ħerqan li nkompli nibni u ntejjeb il-livell tiegħi bħala atleta, kemm jista’ jkun mingħajr injuries, kif ukoll bħala l-Managing Sensei tal-Mgarr Karate Club, biex inkompli ngħolli l-livell tal-Karate miż-żewġ perspettivi ta’ atleta kif ukoll ta’ Sensei/Kowċ li jgħallem lill-istudenti tiegħu mill-aħjar li jista’.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-karate.

Bħal kwalunkwe sport ieħor, biex tilħaq ċertu livell fil-karate, it-triq hija waħda twila, mimlija xogħol u sagrifiċċju, iżda jekk hija x-xewqa tal-individwu, hija triq li tagħtik ħafna sodisfazzjon meta tikseb ir-riżultati li tant tkun ħdimt għalihom! Ibqa’ moħħok hemm, stinka, aħdem bil-grinta, ippersisti, żomm saqajk mal-art ħalli tibqa’ umli u ftakar minn fejn bdejt. Dawn huma kollha karatteristiċi li jekk wieħed iħaddanhom, huma ta’ gwadann għalih personali biex jilħaq is-suċċess li jixtieq, kemm fil-karate u anke f’diversi oqsma oħra tal-ħajja!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport