Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdiet mingħand missieri. Hu introduċieni għall-futbol minn etá żgħira għax hu wkoll kien jilgħab. Bdejt nitħarreg mal-akkademija tal-Luxol meta kelli erba’ snin.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Senglea Athletic FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Senglea Athletic FC s’issa hija waħda sabiħa. Ninsab kuntent li qed nilgħab mal-Isla għax ħafna mill-familja tiegħi huma min hemm. Ninsab motivat ħafna biex nagħti kollox għall-klabb u naslu fejn ħaqqna.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-istaġun li ġej?
Li nirbħu kemm nistgħu logħob u nerġagħu niġu promossi għaċ-Challenge League.
Kif tqis il-livell tal-futbol f’pajjiżna fil-preżent?
Nemmen li l-livell tal-futbol f’pajjiżna qed jogħla u ġejjin iktar plejers barranin ta’ kwalitá jilagħbu hawn Malta, allura l-kompetizzjoni bejn il-plejers qed tiżdied.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Fejn nitħarrġu aħna m’għandniex xi ngergru. Għandna grawnd kbir u kważi jkollna ġimgħa sħiħa grawnd għalina fil-ħin li nitħarrġu li jgħinna nippreparaw għal-logħob aħjar. Għall-grawnds li nilagħbu fihom nemmen li dis-sena rranġaw xi wħud minnhom allura naħseb li qegħdin fi stat tajjeb.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjizna?
Nemmen li l-mentalitá tal-isport f’pajjiżna għadha lura, għax anke meta kont iżgħar jiena kulħadd kien iġib l-iskola qabel l-isport u nemmen li hekk għadha.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur tiegħi b’mod pożittiv, avolja kelli xi injuries u setbacks għadni żgħir u ninsab determinat li nagħti l-100% tiegħi kuljum u nibqa’ naħdem ħalli nilħaq fejn nixtieq.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ li nixtieq ngħaddi hu li ma tħallu l-opinjoni ta’ ħadd jaqtagħlkom qalbkom u tibqgħu għaddejjin. Ħaġ’oħra li nixtieq inżid hi li ma tiddejqux toħorġu mill-‘comfort zone’ tagħkom u jekk tiġikom opportunitá aħjar teħduha!