Thursday, December 4, 2025

‘Ninsab motivata biex nibqa’ nilgħab u nilħaq livelli għoljin kemm f’Malta kif ukoll fir-Renju Unit’ – Sharon Pisani

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Illum niltaqgħu ma’ Sharon Pisani, talent Malti li qed tispikka fil-qasam tal-archery fir-Renju Unit. Sharon, li ilha tieħu sehem f’kompetizzjonijiet lokali u internazzjonali, qiegħda tħalli marka kemm fil-klabbs kif ukoll fuq il-pedana tal-kompetizzjonijiet, b’passjoni u dedikazzjoni li ma taqta’ qalbha qatt.

Pisani tispjega kif il-vjaġġ tagħha beda minn interess sempliċi li sar passjoni sħiħa. “Bdejt l-archery tliet snin ilu meta kont qed nistudja f’St Andrew’s University, fejn qed ngħix. Dejjem kelli xewqa li nipprova dan l-isport u ladarba bdejt, ħassejtni attirata u konnessa ma’ dan l-isport.

Il-klabb li ngħaqadt miegħu għenni nitħarreġ kemm bħala persuna kif ukoll bħala atleta. Il-ħin li nqattgħu flimkien flimkien u l-eżerċizzji kontinwi għenuni nżomm il-kontroll u l-konċentrazzjoni, kif ukoll inżomm dixxiplina.

“Fl-istess waqt, kelli opportunità nipparteċipa f’kompetizzjonijiet universitarji u rbaħt id-deheb fil-kategorija tiegħi. Kien unur kbir li nirrappreżenta lill-Iskozja u issa se nieħu sehem fl-Archery GB f’Diċembru. Barra minn hekk, inħoss ukoll responsabbiltà kbira li nibqa’ nitħarreġ mal-Archery Association f’Malta, li qed jagħmlu xogħol eċċellenti biex jinżammu standards għoljin u jsaħħu l-isport f’pajjiżna.”

Sharon tispjega li t-talent tagħha fl-archery jikkonċentra ħafna fuq Barebow, stil fejn l-plejer juża recurve bow mingħajr aċċessorji bħas-sights jew stabilizers kif isejħulhom bl-Ingliż.

“Fil-Barebow, kollox jiddependi fuq l-istinti u t-teknika tiegħek. Ladarba tidħol f’din it-teknika, titgħallem tiffoka fuq il-konċentrazzjoni, it-tul, u l-preċiżjoni. Mod komuni ta’ miri huwa dak imsejjaħ string walking, fejn il-polz irid jadatta għal movimenti partikolari u jikkordina mal-impatt tal-vleġġa.

Sharon tispjega kemm tħobb il-Barebow: “Inħoss li dan l-istil jgħinek tikseb bażi qawwija għal kwalunkwe tip ta’ archery. Għalija, tani aktar għarfien tal-konċentrazzjoni u fiduċja anke f’ġismi. Il-midalja tad-deheb li rbaħt fil-UK University Championship kien xi ħaġa speċjali, iżda l-akbar sodisfazzjon kienet il-kapaċità li nsir konsistenti u nsegwi r-regoli tal-Barebow.”

Fil-Barebow, Sharon tispjega kif it-tagħmir huwa sempliċi iżda preċiż: “Naħdem b’recurve bow modern, iżda sempliċi, mingħajr sights, stabilizers jew clickers. Jista’ jkollok plunger button, arrow rest u piżijiet sakemm il-qaws jaqbel f’dijametru ta’ 12.2 cm. It-tiller jista’ jiġi irranġat biex il-qaws ikun komdu waqt l-użu. Il-vleġġa jistgħu jkunu aktar stabbli minn dawk tal-Olympic recurve biex jitħalla l-effett mixtieq. L-importanti hu li kull mossa tkun preċiża u konsistenti.”

Sharon tispjega li mingħajr sights, kull plejer għandu kontroll sħiħ fuq l-istinti tiegħu u fuq l-istruttura tiegħu.

Pisani tikkummenta li l-Barebow mhux biss jipprovdi bażi qawwija għall-atleti imma wkoll joffri versatilità: “Tista’ tieħu sehem f’field, 3D, indoor u outdoor target archery. Il-popolarità tal-istil qed tikber globalment u ħafna klabbs jużawh bħala pass inizjali qabel jintegraw f’kompetizzjonijiet aktar kumplessi. Għalija, dan għenni nsib resiljenza u nibni karriera bħala coach waqt li nkompli nsegwi l-passjoni tiegħi kemm għal-logħob kif ukoll għall-kompetizzjonijiet.”

Sharon tispjega l-viżjoni tagħha għall-futur: “Nispera li nkompli nikkonċentra fuq il-kompetizzjonijiet, ngħin lill-atleti żgħar jikbru u nħarriġhom bħala coach. L-archery għenni nitħareġ bl-aħjar mod u nżomm il-kalma u nħalli impatt pożittiv fuq l-oħrajn.

Ninsab motivata biex nibqa’ nilgħab u nilħaq livelli għoljin kemm f’Malta kif ukoll fir-Renju Unit, filwaqt li nibni esperjenzi ġodda kontinwament.”

Sharon temmet billi tħeġġeġ lill-partitarji u lill-atleti żgħar: “L-archery huwa sport ta’ dedikazzjoni u konċentrazzjoni. Jekk trid tipprova, trid tiffoka, taħdem iebes u dejjem tfittex l-aħjar. Huwa sport li mhux biss jgħallmek ħafna affarijiet, imma jagħtik valuri importanti bħar-reżiljenza, paċenzja u rispett. Nħeġġiġhom kollha biex jippruvaw u jħobbu l-isport kif għamilt jien.”

Bil-passioni, dedikazzjoni u ħiliet preċiżi, Sharon Pisani qed tħalli marka fuq l-archery kemm f’Malta kif ukoll fir-Renju Unit. Il-vjaġġ tagħha huwa ta’ ispirazzjoni għal atleti żgħar u plejer eżemplari ta’ kif id-determinazzjoni tista’ twassal għal suċċessi internazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport