Friday, August 1, 2025

‘Ninsab onorat li se nerġa’ ningħaqad ma’ Għajnsielem FC … għalija, dan huwa klabb li dejjem baqa’ speċjali’ – Michael Bezzina

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet ta’ seba’ snin. Minn dejjem kelli x-xewqa li nilgħab – kull fejn kont, kont nieħu miegħi l-ballun. Kont nilgħab fit-triq, fil-bitħa tal-iskola, u anke fil-Mużew. Ma kienx jimporta jekk kontx fil-grawnd jew le, għalija kull spazju kien grawnd.

Imma dak li verament saħħaħ l-imħabba tiegħi lejn din il-logħba kien missieri. Kien dejjem jeħodni naraw il-logħob, kemm dak fil-grawnd kif ukoll fuq it-televiżjoni. Kont inħares lejh waqt li jsegwi l-logħba b’għajnejh mimlija emozzjoni.

Ħa mmur mal-ewwel ghall-punt. Kif qed tħares lejn ir-ritorn tiegħek ma’ Ghajnsielem FC?

Ninsab onorat li se nerġa’ ningħaqad ma’ Għajnsielem FC. Għalija, dan huwa klabb li dejjem baqa’ speċjali. Aktar minn sempliċi tim, huwa familja, esperjenza u parti mill-istorja tiegħi fil-futbol.

Ma’ Għajnsielem għext mumenti li jibqgħu miegħi għal ħajti kollha—ir-rebħ tat-Tieni Diviżjoni, is-Super Cup tal-Ewwel Diviżjoni, u logħbiet li għadhom stampati f’moħħi bħal dik kontra Floriana f’Ta’ Qali, fejn minkejja li tlifna bl-iskor minimu ta’ 1-0, urejna qalb, determinazzjoni u passjoni. Ma nistax ninsa lanqas l-istaġun fejn konna 6 punti vantaġġ u konna sejrin lejn it-titlu tal-Ewwel Diviżjoni, iżda kollox twaqqaf minħabba l-pandemija tal-COVID. Kien żmien diffiċli, imma li wera kemm dan il-klabb kellu potenzjal kbir.

Ir-ritorn tiegħi mhuwiex biss pass ieħor fil-karriera, iżda ritorn f’dar li dejjem ħassejt tiegħi. Grazzi mill-qalb lil dawk kollha fil-klabb li wrew fiduċja fija. Nistenna bil-ħerqa li nerġa’ nilbes il-flokk iswed u abjad u nagħti kollox għal dawn il-kuluri!

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek fil-futbol qabel irritornajt ma’ Għajnsielem FC.

Bdejt il-karriera tiegħi fil-futbol ma’ Xagħra United FC, fejn tgħallimt l-ewwel passi tiegħi fil-logħba. Wara, komplejt l-esperjenza tiegħi ma’ klabbs oħra bħall-Victoria Hotspurs u Għarb Rangers, fejn ħdimt biex intejjeb il-livell tiegħi f’kull aspett tal-logħba.

Kelli wkoll diversi staġuni mal-Gozo FC, kemm fix-xena lokali f’Malta – fejn lgħabt fl-Ewwel, fit-Tieni u fit-Tielet Diviżjoni – kif ukoll f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Fosthom, ipparteċipajt fil-UEFA Regions Cup u fis-Small Island Games. Dawn kienu esperjenzi ta’ livell għoli u sfida kbira kontra oppożizzjoni barranija.

Ta’ min isemmi wkoll li din mhux l-ewwel darba li qed nilgħab ma’ Għajnsielem FC – kont diġà lgħabt magħhom fil-passat u għalhekk inħossni qiegħed nerġa’ lura f’ambjent familjari fejn dejjem ħassejtni apprezzat u parti minn kollettiv b’saħħtu.

Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Fiż-żmien meta kont iżgħar, forsi bejn 15 u 20 sena ilu, il-futbol Għawdxi kien ħafna aktar grassroots — ħafna partitarji, għalkemm bi strutturi aktar sempliċi, anqas infrastruttura moderna u formazzjoni mhux daqshekk professjonali. Kien hemm ħafna passjoni u imħabba għas-sport, iżda ħafna plejers kienu jilagħbu aktar għal divertiment u komunità.

Matul is-snin, rajna titjib fil-livell tekniku u fit-tisħiħ ta’ timijiet b’aktar kuntatti mal-futbol Malti u anke internazzjonali, kif ukoll xogħol aħjar maż-żgħażagħ. Għalhekk il-kompetizzjoni issa hija aktar intensiva u professjonali. Il-ġestjoni tal-klabbs qed issir aktar organizzata, u hemm aktar investiment fl-isports facilities, coaching u fitness.

Madankollu, għad hemm għadd ta’ sfidi bħal diffikultajiet fil-fondi, in-nuqqas ta’ infrastruttura ta’ livell għoli bħalma nsibu f’Malta jew barra minn xtutna, u t-talent spiss jispiċċa jmur Malta biex ifittex opportunitajiet aħjar.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Għal-logħob kompetittiv, normalment il-haxix (natural turf) huwa preferut għal esperjenza aktar professjonali, iżda ħafna timijiet f’Għawdex jużaw grawnds artifiċjali minħabba li huma aktar faċli biex jitmantnu u jistgħu jintużaw b’mod intens matul is-sena kollha.

Fiż-żona ta’ Għawdex, il-Gozo Stadium għandu grawnd ta’ haxix naturali fejn jintlagħbu l-logħbiet uffiċjali tal-Kampjonat u kompetizzjonijiet oħra. Madankollu, għat-taħriġ ħafna għaqdiet jużaw grawnds artifiċjali li jinsabu f’kull raħal jew qribhom, biex ikunu jistgħu jitħarrġu b’mod regolari anke f’kundizzjonijiet ta’ maltemp.

Għajnsielem għandu faċilitajiet ta’ livell għoli — grawnd artifiċjali f’sitwazzjoni tajba li huwa fattur kbir għal taħriġ u logħob regolari. Il-kmamar fejn jiltaqgħu l-plejers u l-coaches, bħad-dressing rooms jinsabu f’kundizzjoni tajba u jagħmlu esperjenza professjonali ħafna.

Il-gym tal-klabb jagħti ukoll ħafna valur għat-taħriġ, għax il-preparazzjoni fiżika hija kruċjali fil-futbol kompetittiv.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?

Wara l-karriera tiegħi bħala plejer, l-intenzjoni tiegħi hi li nkompli nħaddem il-passjoni tiegħi għall-futbol billi noqgħod kowċ. Matul is-snin ta’ logħob tiegħi, ħadt ħafna ħiliet u esperjenzi li nemmen li jistgħu jgħinuni biex ngħin plejers oħra jikbru kemm teknikament kif ukoll mentalment. Ninsab entużjast biex nikkomunika l-għarfien tiegħi, noħloq ambjent pożittiv u motivanti, u nippromwovi xogħol ta’ skwadra b’mod effettiv.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-karriera fil-futbol mhix biss dwar talent jew ħiliet teknici. Hi vjaġġ ta’ dedikazzjoni, sagrifiċċju u paċenzja. Iżomm moħħek fuq l-għan, taħdem iebes kull jum, tħares lejn kull falliment bħala opportunità biex titgħallem u tkompli tissaħħaħ. Iżda l-iktar importanti – li tagħmel, dejjem agħmlu bl-imħabba!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport