Friday, September 12, 2025

‘Ninsab ottimist ħafna għal dan l-istaġun ma’ Senglea Athletic FC, hekk kif hawn ‘set-up’ professjonali ħafna u ġejt milqugħ mill-ewwel ġurnata’ – Nigel Spiteri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Mill-età ta’ ħames snin niftakarni mort l-ewwel darba taħriġ ma’ ħija li kien ħames snin ikbar minni, u mill-ewwel irbatt qalbi mal-logħba tal-futbol. Nista’ ngħid li minn dak iż-żmien sal-ġurnata tal-lum, il-futbol baqa’ f’ħajti.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Senglea Athletic FC?

Ninsab ottimist ħafna għal dan l-istaġun ma’ Senglea Athletic FC, hekk kif hawn ‘set-up’ professjonali ħafna u ġejt milqugħ mill-ewwel ġurnata.

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej bħala klabb?

Ovvjament l-għanijiet tal-klabb huma li niksbu l-promozzjoni għaċ-Challenge League. 

Iddeksrivi l-esperjenzi passati tiegħek ma’ Attard FC u Vittoriosa Stars FC, u kemm tgħallimt minnhom.

Kemm ma’ Vittoriosa Stars FC u anke Attard FC kelli esperjenzi sbieħ ħafna … Attard FC forsi iktar għax qattajt ħafna snin hemmhekk fejn tlajt minn nursery sakemm ma ddebutajt mat-tim tal-kbar u bħalissa qiegħed it-tielet l-iktar plejer li qatt lagħab mal-klabb.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Jien nemmen li l-livell għola f’kull diviżjoni hekk kif ħafna plejers Maltin kellhom jinżlu jilagħbu f’diviżjonijiet iktar baxxi minħabba l-fatt li żdiedu l-ammont ta’ plejers barranin li jilagħbu fil-Malta Premier.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Bħala riżorsi, il-klabbs qed jinvestu iktar fihom li hija xi ħaġa tajba hekk kif apparti skwadra tajba irid ikollok riżorsi tajbin biex iżżomm il-konsistenza neċessarja. 

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?

Bħala mentalità naħseb li għad baqagħlna naqra x’naqdfu meta kkumparat ma’ ta barra minn xtutna, għax nemmen li aħna naqra mfissdin bħala mentalità.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?

Bħala plejer tal-futbol ħadd ma jkun irid li jasal dak il mument fejn ikollok tieqaf iżda jasal bħal kollox fil-ħajja. Onestament, għalissa ma tantx ħsibt x’nista’ nagħmel lil hinn mill-futbol għax nemmen li jekk ma jinqalawx injuries serji, nemmen li baqagħli snin x’nagħti iktar.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tieghi huwa li bħal kwalunkwe ħaġa fil-ħajja, biex ikollok suċċess irid ikollok dixxiplina, motivazzjoni u konsistenza f’dak li tagħmel u fl-aħħar mill-aħħar jekk hi passjoni tiegħek, ma taqta’ qalbek qatt!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport