Sunday, December 22, 2024

“Ninsab tajjeb … għadna fil-ħin”

Aqra wkoll

Ftit tal-minuti ilu l-attivist Andre Callus uża l-profil tiegħu fuq il-midja soċjali biex jirringrazzja mill-qalb lil dawk kollha li esprimew it-tħassib u s-solidarjetà tagħhom miegħu u ma’ sħabu minħabba dak li ġara illejla fil-Mosta.

Huwa kkonferma li jinsab tajjeb u verament apprezza l-messaġġi tal-pubbliku. Kompla biex jisħaq li l-iktar ħaġa importanti hija li jitwaqqaf dan l-isfreġju ambjentali.

“Ejja nagħmlu pressjoni biżżejjed sabiex l-Kunsilliera jagħrfu l-iżball tagħhom u jħallu dawk is-siġar hemmhekk. Għadna fil-ħin.”

“Lanqas il-Pulizija m’għandu jxekkel il-jedd ta’ protesta paċifika”

“Nirreferi għal dak li seħħ fil-Mosta fl-aħħar ħinijiet. Ħa nkun ċar bħala l-Ministru għall-Intern, wieħed għandu l-jedd ta’ protesta paċifika, u ħadd, lanqas il-pulizija, m’għandu jxekkel dan id-dritt.” Iddikjara dan f’reazzjoni li għamel il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri wara li aktar kmieni wieħed mill-persuni li nġabru biex jipprotestaw safa miżmum mill-Pulizija.

Attivist miżmum waqt protesta kontra l-qtugħ tas-siġar fil-Mosta

“Qed tweġġgħuna! Qed tweġġgħuna!” Din l-għajta segwiet il-mument li fih ftit tal-ħin ilu wieħed mir-rappreżentanti ta’ Moviment Graffiti Andre Callus ġie miżmum mill-Puliziija.

Callus ġie manettjat wara li naqas milli jikkonforma mal-ordnijiet tal-pulizija waqt li flimkien ma’ grupp ta’ persuni nġabru fil-Mosta f’tentattiv li jwaqqfu dak li ħafna qegħdin jiddeskrivu bħala “massarku ta’ siġar”.

Kollox beda lbieraħ meta bdew ix-xogħlijiet biex is-siġar eżistenti fl-inħawi tar-Rotunda tal-Mosta jinqalgħu f’dik li aktar tard intqal li kienet azzjoni biex dawn jitħawlu f’post ieħor. Din l-alternattiva xejn ma niżlet tajjeb u bosta kienu dawk li esprimew id-diżapprovazzjoni tagħhom.

Wieħed mill-filmati mxandrin fuq il-midja soċjali lbieraħ filgħaxija wrew qatgħa għasafar bħal donnhom mitlufin hekk kif meta beda jidlam ma sabux is-siġar li kienu jservu ta’ kenn għalihom matul il-lejl.

Ekonomija

Sport